Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Kien hemm min ta l-gambetti biex il-PN jitlef il-Kunsill tal-Belt’ - L-eks Sindku

L-eks Sindku tal-Belt Valletta jiddeskrivi lilu nnifsu u lil sħabu l-kandidati Nazzjonalisti Beltin bħala vittma tat-tendenza nazzjonali kontra l-Partit Nazzjonalista

Yendrick Cioffi / 10 ta' Ġunju 2019 17:47
Christian Micallef
L-eks Sindku tal-Belt Valletta u llum Minority Leader fl-istess Kunsill lokali, Christian Micallef, farfar minn fuq spallejh it-telfa li ġarrab il-PN fil-Kapitali u saħaq li hu u sħabu kandidati Nazzjonalisti kienu vittma ta’ tendenza nazzjonali kontra l-Partit Nazzjonalista.

Mhux hekk biss, iżda l-eks Sindku lmenta wkoll dwar dawk li sejħilhom “gambetti” li ġarrbet l-amministrazzjoni Nazzjonalista fl-aħħar xhur tat-tmexxija tagħha fil-Belt Valletta.

Il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda ma’ Christian Micallef biex flimkien miegħu tirrifletti dwar dak li wassal biex għall-ewwel darba, il-Partit Nazzjonalista jitlef minn idejh il-Kunsill Lokali prestiġġjuż tal-Belt Valletta.

Bdejna nitkellmu ma’ Micallef dwar din it-telfa, bl-eks Sindku jisħaq magħna li t-tendenza kienet ilha ġejja, tant li mill-2013 ’l hawn, f’kull elezzjoni nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista kien diġà tilef il-maġġoranza fil-Belt Valletta.

Spjega fost oħrajn dak li ġara fl-2013, meta fl-istess jum, il-Partit Nazzjonalista rebaħ il-maġġoranza fil-Kunsill Lokali iżda tilef il-maġġoranza tal-voti tal-Beltin fl-Elezzjoni Ġenerali.

“Meta sirt Sindku kont naf li kienet se tkun missjoni diffiċli ħafna,” insista Micallef .

Fil-fatt, Christian Micallef sar Sindku tal-Belt Valletta f’Jannar li għadda wara r-riżenja tal-Professur Alexiei Dingli li kien ilu diversi snin Sindku tal-Kapitali.

Din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn Micallef iħoss li ma għandux jerfa’ l-piż għat-telfa li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta, għall-kuntrarju huwa saħaq li f’ħames xhur, kunsill lokali mmexxi minnu, irnexxielu jċaqlaq xi ftit jew wisq l-affarijiet, fejn, fi kliemu, ir-residenti Beltin bdew iħossu li hemm Kunsill Lokali viċin tagħhom.

“Dan il-Beltin apprezzawh u wrewh b’vot ċar ta’ 1,145 vot li rnexxieli nikseb,” fakkar Micallef. Fil-fatt, ta’ min isemmi li Christian Micallef kien l-aktar kandidat għall-Kunsill Lokali tal-Belt li ġab voti fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, kważi d-doppju ta’ Alfred Zammit, illum Sindku tal-Belt Valletta.

"F’dawn l-aħħar ħames xhur u nofs kien hemm nies fl-awtoritajiet tal-Gvern, imħallsa mill-poplu, li għamlu l-ħsara u għamlu l-gambetti biex il-Partit Nazzjonalista jitlef il-Belt Valletta"
L-eks Sindku insista li fl-aħħar xhur huwa wera li kapaċi jkun is-Sindku tal-Beltin kollha u tenna li xhieda ta’ dan huwa l-għadd ta’ Laburisti li taw l-ewwel preferenza lilu, anke jekk imbagħad komplew fuq il-kandidati tal-Partit Laburista.

Fil-fatt, Micallef jemmen ukoll illi li kieku kellu aktar ċans bħala Sindku, imqar sena, il-Partit Nazzjonalista kien ikollu ċans tajjeb li jżomm dan il-Kunsill Lokali f’idejh.

“F’ħames xhur ukoll ħallejt il-legat tiegħi. Ħdimt fuq proġetti biex ngħinu persuni vulnerabbli fil-Belt, bdejt naħdem mal-għaqdiet sportivi li forsi kienu mitluqa. F’kulma nagħmel dejjem nipprova nagħti l-100%. Ma għandi l-ebda rimors,” insista l-Minority Leader.

‘Il-kunsill tal-Belt intilef għax in-Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw’

Iżda minkejja dan, il-Partit Nazzjonalista tilef dan il-Kunsill. X’kienet ir-raġuni ewlenija? Christian Micallef fakkar li kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ Beltin li ħarġu jivvutaw.

“Meta tqabbel dan kollu mal-elezzjoni lokali tal-2013, tinnota li l-Partit Nazzjonalista naqqas madwar 800 vot u l-Partit Laburista naqqas 400 vot,” insista Micallef. “Il-Kunsill Lokali tal-Belt intilef għax in-Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw.”

Kien hawn li l-eks Sindku kkonkluda li t-telfa ma kinitx tort tal-Kunsill Lokali iżda ta’ dik li sejħilha bħala “trend nazzjonali kontra l-Partit Nazzjonalista.”

“Anke s-Sindku tal-Mosta mar tajjeb ħafna u dan il-Kunsill intilef bi ftit voti. Tort tas-Sindku? Ma naħsibx,” insista Micallef waqt li ddeskriva lilu nnifsu bħala vittma ta’ din it-tendenza.

Iżda l-Kunsill Lokali tal-Belt kemm-il darba kien ikkritikat li kien xi ftit jew wisq assenti u li ma żammx kuntatt mar-residenti. Alexiei Dingli kellu x’jaħti?

Christian Micallef ma tantx dar mal-lewża. Insista li filwaqt li sar ħafna xogħol, anke minn Alexiei Dingli, il-Kunsill Lokali tal-Belt ma daqqx biżżejjed it-trombi biex juri x’kien qed iwettaq.

“Jien lil Alexiei ninżgħalu l-kappell għax ħadem ħafna,” insista Micallef.

 

‘Persuni mħallsa mill-poplu għamlulna l-ħsara’

Sa issa Micallef farfar ir-responsabbilità tat-telfa minn fuq il-Kunsill Lokali iżda staqsejnieh jekk kienx hemm kwistjonijiet lokali, fosthom il-problema tal-parkeġġ u l-indafa li setgħu waslu biex il-Beltin jitilfu l-fiduċja fit-tmexxija Nazzjonalista tal-Kunsill Belti.

“F’dawn l-aħħar ħames xhur u nofs kien hemm nies fl-awtoritajiet tal-Gvern, imħallsa mill-poplu, li għamlu l-ħsara u għamlu l-gambetti biex il-Partit Nazzjonalista jitlef il-Belt Valletta,” kien pront iwieġeb l-eks Sindku.

“Qgħadt kwiet, iżda dawn in-nies naf min huma. Jafu li żbaljaw. Li tkun resident, taħdem f’awtorità u tagħmel ħsara lir-residenti stess, biex tagħti vantaġġ politiku lill-partit tiegħek, mhux sew. Kunsill Nazzjonalista sab intoppi enormi. Kuljum inqumu bi problema ġdida,” kompla jinsisti Micallef.

‘Nawgura biss li dan il-Kunsill jirnexxilu jaħdem’

Tkellimna wkoll dwar il-Kunsill il-ġdid, immexxi minn maġġoranza Laburista, li se jkun qed imexxi l-Belt Valletta għall-ħames snin li ġejjin.

“Se nkun onest. Kuntent li kien Alfred Zammit li sar Sindku għax ġenwinament nemmen li minn fost il-kandidati Laburisti huwa kien l-aħjar wieħed biex imexxi l-Belt Valletta. Ħadt gost ukoll li tela’ kandidat bħal Lian Pace għax kellu kampanja nadifa ħafna,” saħaq Micallef.

Kien hawn li l-eks Sindku rrifletta wkoll fuq il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta.

“Mexxejna kampanja nadifa. Qatt ma attakkajna. Kont nesiġi ma’ sħabi biex qatt ma naqgħu għall-provokazzjoni ta’ min attakkana,” insista Micallef.

"Għandi dubji kbar kemm dan il-Kunsill se jitħalla jaħdem bit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u b’Gvern li jgħaddi minn fuq kulħadd"
L-eks Sindku tenna wkoll dak li kien qal ma’ din il-gazzetta fl-10 ta’ Marzu li għadda, jiġifieri li bejn il-kandidati u l-kunsilliera Nazzjonalisti hemm l-għaqda, xi ħaġa li fi kliemu tiddistingwi lilu u lil sħabu mill-bqija tal-kandidati u l-kunsilliera Laburisti fil-Belt Valletta.

“Nawgura biss li dan il-Kunsill jirnexxilu jaħdem, mhux minħabba l-Partit Nazzjonalista iżda minħabba l-Partit Laburista,” insista l-Minority Leader.

U għadu jemmen li Kunsill Laburista se jħalli lill-Gvern jagħmel li jrid fil-Belt Valletta?

“Għandi dubji kbar kemm dan il-Kunsill se jitħalla jaħdem bit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u b’Gvern li jgħaddi minn fuq kulħadd,” saħaq Micallef. “Mhux għax is-Sindku huwa dgħajjef iżda meta għandek Kunsill Laburista u Gvern Laburista, l-uniku vuċi li jifdal għar-residenti Beltin huma l-kunsilliera f’minoranza.”

Kien hawn li Christian Micallef insista li diġà fi żmien tmexxija Nazzjonalista kienu jsiru affarijiet mingħajr konsultazzjoni. “Aħseb u ara issa,” saħaq l-eks Sindku waqt li ddeskriva awtoritajiet, bħal Transport Malta bħala “każin politiku.”

‘Meta nara dak li għaddej fil-PN naħsibha darbtejn nerġax noħroġ’

Staqsejna wkoll lil Micallef jekk għandux ħsieb li jirriżenja mill-Kunsill Lokali u dan għax lejlet li ħareġ ir-riżultat kien iddikjara li dawn l-elezzjonijiet se jiddeterminaw il-futur politiku tiegħu.

Filwaqt li reġa’ fakkar fl-ammont ta’ voti li ġab insista li jħossu fid-dmir li jibqa’ jkun il-vuċi tar-residenti u għalhekk  mhux se jirriżenja.

Madanakollu, anke jekk ma xtaqx jidħol fid-dettall tas-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u waqt li insista li hu jibqa’ kburi li hu Nazzjonalist, qal li meta jara dak kollu li għaddej bħalissa fil-PN jaħsibha darbtejn jekk għandux jibqa’ jimmilita fil-politika wara li jgħaddu dawn il-ħames snin.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook