Jitpoġġew l-ewwel travi fuq l-ewwel flyover tal-Marsa Junction

Il-Ministru Ian Borg jisħaq li 'ninsabu pass ieħor viċin għall-proġett storiku'

Waqt li kien qiegħed iżur is-sit tal-proġett tal-Marsa Junction Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg saħaq, "li ninsabu pass ieħor viċin għall-proġett stroriku. llum qegħdin naraw l-ewwel travi jitpoġġew għall-ewwel fost is-seba’ strutturi ta’ flyovers li jiffurmaw parti minn dan il-proġett tant importanti għan-nofsinhar ta’ Malta,” qal il-Ministru Borg

Huwa spjega li din l-istruttura, flimkien ma’ oħra li qed tinbena magħha, se jkunu qegħdin jgħaqqdu Triq Giuseppe Garibaldi ma’ Triq Aldo Moro, fejn l-ewwel struttura ta’ flyover se tkun l-usa’ waħda filwaqt li t-tieni se tkun l-ogħla.

Fl-istess waqt Borg ta rendikont tax-xogħol li sar fl-aħħar xhur, li kien jinkludi t-tħammil u casting tal-ewwel clusters ta’ aktar minn 460 pile ta’ konkos li se jkunu qegħdin iżommu t-42 pilastru ta’ dawn is-seba’ strutturi ta’ flyovers, u qal li sal-aħħar tal-proġett se jkunu tpoġġew 350 travu fil-post.

“Investejna fi proġett importanti għaliex smajna u rajna d-diffikultajiet tan-nies li jridu jivvjaġġaw lejn jew min-nofsinhar ta’ pajjiżna. Jimpurtana mill-kwalità tal-ħajja ta’ 120,000 persuna li ta’ kuljum tuża din ir-rotta, tan-nies li jgħixu fin-nofsinhar ta’ Malta u tal-eluf ta’ nies li jaħdmu u jistudjaw f’din il-parti tal-pajjiż. U għalhekk għamilna investiment favur inqas konġestjoni u aktar effiċjenza, proġett li jħaddan il-prinċipji tas-sostennibilità wkoll,” saħaq il-Ministru.

Hawnhekk huwa għamel aċċenn għal fatt li l-maġġoranza tat-travi qegħdin jiġu mmanifatturati ftit metri ’l bogħod mis-sit, eżerċizzju li se jiffranka spiża ta’ aktar minn 4,500 vjaġġ bit-trakkijiet, li se jkunu qed iwasslu biex jiġu ffrankati aktar minn 22 tunellata ta’ emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) għal lokalitajiet viċini.

“Ejja inkomplu naħdmu favur aktar u aktar benefiċċji. Sena u nofs ilu konna hawnhekk naraw it-twaqqigħ tal-ewwel fabbriki. Lejn l-aħħar tas-sena l-oħra konna ftit passi ’l bogħod minn hawn biex naraw 10 korsiji lesti fi Triq Aldo Moro bħala t-tieni fażi ta’ dan il-proġett. U llum qegħdin naraw ix-xogħlijiet fuq l-ewwel flyover. Ħdimna bi nhar u bil-lejl u se nkomplu naħdmu sabiex niżguraw li pajjiżna jara l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett maġġuri bla preċedent. Se nkomplu naħdmu biex pajjiżna jkompli jieħu €7 għal kull €1 li ninvestu, biex ingawdu minn inqas emissjonijiet u biex ikollna aktar ħin mal-familji tagħna,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Aqra wkoll:

More in Politika