Ian Borg jindika l-bżonn ta' żieda fil-flotta ta' vetturi fit-trasport pubbliku

Il-Ministru Borg iżur il-proġett tal-Marsa biex isegwi l-progress ... l-ewwel flyover lest sal-aħħar tas-Sajf

Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg qal illi issa huwa l-mument biex il-flotta ta' vetturi fit-trasport pubbliku, li diġa qed jaqdu numru rekord ta' passiġġieri, tiżdied. Borg qal dan meta kien qed isegwi l-progress infrastrutturali fil-Marsa fejn qed jinbnew seba' flyovers, fi proġett li ra wkoll it-twessigħ u t-titjib ta' Triq Aldo Moro.

Minkejja titjib fit-trasport pubbliku fl-aħħar snin, l-iffullar u anke l-puntwalità baqgħu xi ftit ta' problemi hekk kif in-numru ta' passiġġieri żdied bil-qawwi minħabba żieda fit-turiżmu u fil-popolazzjoni.

Borg sostna li ż-żminijiet inbiddlu u li 10 snin ilu Malta ma kellhiex għalfejn titkellem dwar modi sostenibbli  u pajjiżna ma kellux bżonn proġetti bħal dak tal-Marsa. "Proġetti bħal dawn fl-aħħar mill-aħħar jgħinu biex inaqqsu il-konġestjoni," qal il-Ministru Borg li kompla jfakkar ukoll fl-inċentivi li introduċa l-Gvern biex aktar nies jixtru karozzi li jaħdmu bl-elettriku. 

Intant Borg ħabbar illi l-ewwel mis-seba' flyiovers fil-Marsa se jkun lest sal-aħħar tas-Sajf. Hu spjega kif il-proġett jinsab ft-tielet fażi, wara li tneħħew il-fakkriki li kien hemm faċċata tal-binja ta' ONE u li ġew rilokati lejn Ħal Far. Imbagħad kienet mwessa' Triq Aldo Moro biex issa għandha 10 karreġjjati. Din it-triq jgħaddu minnha 120,000 karozza kuljum.

More in Politika