Jean Pierre Debono jippubblika kemm jaqla' paga fix-xahar

Dan wara li kienu ħafna dawk li allegaw li Debono talab paga kbira mill-Partit Nazzonalista meta ċeda s-siġġu lil Adrian Delia

L-uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono ppubblika fuq Facebook kemm jaqla' paga mill-Partit Nazzjonalista fix-xahar.

Huwa tefa' screenshot mill-internet banking li juri kif sal-aħħar tax-xahar li għadda huwa rċieva €2,238.97 f'idu.

Debono ma qalx jekk dan l-ammont jinkludix ukoll xi benefiċċji oħra li jistgħu jiġu mal-impjieg u l-irwol tiegħu.

Dan is-sit ikkuntatja lil Debono biex jistaqsih dwar dan, iżda sa issa ma rnexxilux jaqbdu.

"Jekk wieħed jagħmel is-somom jirrealizza li f'maratona waħda li saret ftit tax-xhur ilu jiena u l-mara flimkien ġbarna għall-PN ftit anqas mis-somma li l-paga tiegħi tammona f'sena sħiħa. Ferm 'il bogħod mill-€50,000, €70,000 u €100,000 li ilhom isemmu xi individwi," saħaq Debono.

Insista li dan biex ma jsemmix "il-ħinijiet bla limitu u kundizzjoni li tajt għall-Partit."

Fl-aħħar jiem, Debono kien fiċ-ċentru ta' kontroversja wara li ġie allegat li hu bagħbas il-lista tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv eleġibbli li jivvutaw u dan wara li l-istess Kumitat kien għażel lilu biex jieħu post David Stellini fil-Parlament.

Kien allegat ukoll li Debono talab paga kbira mill-Partit Nazzonalista meta ċeda s-siġġu lil Adrian Delia.

Filwaqt li ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u spjega kollox, Debono xorta waħda mhux se jaċċetta s-siġġu Parlamentari. 

 

More in Politika