Il-Pulizija tressaq il-Qorti żewġt irġiel wara ġirja fuq il-bjut fil-Fgura

Iż-żewġt irġiel qed ikunu akkużati b’serq, b’ħasil ta’ flus u bi kriminalità organizzata

Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità barranija tressqu l-Qorti akkużati b’serq, b’ħasil ta’ flus u bi kriminalità organizzata kekk kif ġew arrestati wara investigazzjoni ta’ diversi ġimgħat.

Iż-żewġt irġiel li għandhom 41 u 28 sena wieġbu mhux ħatja.

Wieħed mill-irġiel ittella’ l-Qorti f’siġġu tar-roti, filwaqt li l-ieħor kien liebes boroż tal-plastik f’siequ wara li anke l-ħwejjeġ tiegħu ttieħdu bħala parti mill-evidenza.

Apparti li pparteċipaw fi kriminalità organizzata u anke f’reati ta’ ħasil ta’ flus, iż-żewġt irġiel qed ikunu akkużati b’serq, fejn darba minnhom serqu €20,000.

Huma ġew arrestati fl-1 ta’ Ġunju fil-Fgura wara li l-Pulizija spiċċat tiġri warajhom minn fuq bejt għall-ieħor.

Wieħed mill-akkużati qabeż minn fuq bejt, bil-għan li jaħrab, iżda spiċċa biex weġġa’.

Iż-żewġt irġiel ma jaħdmux. Ir-raġel ta’ 41 sena qal li joqgħod l-Ukraina, filwaqt li ż-żagħżugħ, li wkoll ma jaħdimx, qal li hu kien jgħix f’lukanda f’Malta.

It-tnejn li huma nżammu arrestati.

More in Politika