Iż-żgħażagħ tal-PN jisħqu li l-Partit qatt ma niżel daqshekk fil-baxx

Il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista insista wkoll li wara l-vot fil-Kumitat Eżekuttiv tas-Sibt għandha tintrefa r-responsabbilità

Il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu ħareġ fil-beraħ jisħaq li s-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista mhijiex tenibbli waqt li insistew li għandha tintrefa' r-responsabbilità politika.

Iż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista ma qagħdux jomogħdu l-kliem u saħqu li l-Partit Nazzjonalista issa miss il-qiegħ.

Kien għalhekk li insistew li għandha tintrefa' r-responsabbilità politika mingħand dawk li fi kliemhomn "kienu involuti fit-tgħaffiġa li saret nhar is-Sibt li għadda waqt il-vot tal-Kumitat Eżekuttiv.

Insistew li dan il-pass għandu jittieħed anke b'rispett lejn l-eluf ta' votanti u voluntiera li taw il-ħin u s-saħħa kollha tagħhom għall-PN.

Iż-żgħażagħ saħqu li se jkunu qed janalizzaw is-sitwazzjoni preżenti waqt laqgħa li għandhom din il-ġimgħa u se jippreżentaw rapport internament.

 

X'ġara fl-aħħar jiem?

Dan tmiem il-ġimgħa kien wieħed imqalleb ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Deputati u esponenti tal-PN ħaduha kontra bi kbira meta nhar is-Sibt li għadda, il-Kumitat Eżekuttiv ivvota biex post David Stellini fil-Parlament jieħdu Jean Pierre Debono u mhux jimtela' mill-Kandidat Għawdwi Kevin Cutajar.

Deputati, inkluż Chris Said, insistew li dan kien insult għall-votanti Għawdxi u mill-ġdid fetħu l-kanuni kontra t-tmexxija tal-PN. 

Madanakollu, l-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv, Mark Anthony Sammut, ilbieraħ allega irregolaritajiet fil-proċess tal-votazzjoni, fosthom għax żewġ persuni li vvutaw ma kellhomx vot. 

Debono ħa s-siġġu minflok Cutajar għal żewġ voti biss.

Intant, aktar tard, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ippubblika lista li allegatament turi lil kien l-istess Jean Pierre Debono li emenda l-lista ta' persuni fl-Ezekuttiv.

Aqra aktar dwar it-taqlib fil-Partit Nazzjonalista:

Il-PN f'inkwiet kbir bil-co-option posposta u deputat jallega frodi u jitlob ir-riżenji

More in Politika