Il-PN f'inkwiet kbir bil-co-option posposta u deputat jallega frodi u jitlob ir-riżenji

Il-ġlied intern fil-PN issa jinxtered fuq Facebook b'Jason Azzopardi juża l-kelma 'barra' għal Jean Pierre Debono u jallega frodi filwaqt li eks Kunsillier jgħid li l-PN sar 'problema nazzjonali'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista kompla jinbela' f'inkwiet intern ilejla b'akkużi serji ta' tbagħbis fil-proċess li permezz tiegħu Jean Pierre Debono kien magħżul bħala l-pesuna li se tkun co-opted. Jidher fil-fatt illi l-co-option tinsab fil-friża hekk kif l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut allega illi sar tbagħbis u vvutaw persuni li ma kellhomx jivvutaw fil-proċess ta' votazzjoni. Sammut irriżenja ilbieraħ mill-kariga filwaqt li qal illi t-tmexxija tal-partit m'għadx għandha mandat biex tmexxi

Debono kien magħżul b'żewġ voti biss aktar mill-Għawdxi Kevin Cutajar, hekk kif kiseb 42 vot fl-Eżekuttiv tal-partit. 

Intant id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ippublika lista li turi lil Jean Pierre Debono bħala l-persuna li emenda l-lista ta' persuni fl-Ezekuttiv u li turi wkoll lid-Deputat David Stellini, li rreżenja minn Deputat tal-PN u persuna oħra bl-isem David Camilleri, li huwa t-teżorier tal-PN. 

Azzopardi sostna illi din il-lista "hija l-prova li l-lista ta’ dawk biex jivvutaw ilbieraħ fl-Eżekuttiv ghamilha Jean Pierre Debono. Daħqu b’Eżekuttiv. Taw vot lil min ma kellux jedd." 

Kien hawn li Azzopardi sostna li "riedu jisirqu siggu ta’ Kevin Cutajar bi frodi." U kompla jisħaq li "dawn mhux Nazzjonalisti. Għajb. Għandkom il-wicċ tgħidu li ħadd mhu ikbar mill-Partit? Għandkom il-wiċċ titkelmu fuq l-establishment? BARRA." 

Intant Debono wkoll spara t-tiri tiegħu fuq Facebook u sostna li l-persuna li qed iqarraq f'dan kollu huwa "Mark Anthony Sammut li sal-bierah kien l-uffiċjal responsabbli mill-Kumitat Eżekuttiv u min ikun fil-listi tal-vot. Mark Anthony Sammut jaf li qabel bdiet il-laqgħa staqsieni għal-lista u l-affarijiet marbuta mal-Elezzjoni u jiena weġibtu li jiena ma kelli x'naqsam xejn mal-listi u mal-preparazzjoni għal din l-elezzjoni peress li kont se nkun involut direttament fiha jiena." sostna illi kellu jkun Sammut li mexxa l-elezzjoni u li jara li l-lista li kellu f'idejh hija korretta, aġġornata u mal-istatut."

il-lista ppublikata mid-Deputat Jason Azzopardi
il-lista ppublikata mid-Deputat Jason Azzopardi

Intant l-eks Kunsillier Nazzjonalist f'Wied il-Għajn Charlot Cassar sostna illi l-PN sar problema nazzjonali u theddida lid-demokrazija. 

More in Politika