Deputati tal-PN jipproponu lil Kevin Cutajar biex jieħu post David Stellini

Bdew jissemmew l-ismijiet biex jimtela s-siġġu ta' David Stellini fil-Parlament

Wara r-riżenja ta' David Stellini minn Deputat Parlamentari, Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista bdew jimbuttaw 'il quddiem ismijiet biex jiġu co-opted fil-Parlament.

Kemm id-Deputat Karol Aquilina u anke Therese Commodini Cachia qed jipproponu li dan is-siġġu Parlamentari jibqa' għand Għawdxi, u għalhekk jgħaddi għand Kevin Cutajar.

"Bix-xieraq li tinżamm l-istess rappreżentanza f'Għawdex u minflok David Stellini, il-Partit Nazzjonalista jagħżel lil Kevin Cutajar, avukat li ma ħalliex id-diżabiltà tkun ta’ ostakolu għal dak li ried jagħmel f’ħajtu," kiteb Aquilina. "Din l-għażla tkun ukoll messaġġ qawwi ta’ fiduċja u sostenn mill-Partit Nazzjonalista lill-persuni b’diżabilità."

Commodini Cachia faħħritu għax dejjem wera x-xewqa li jservi lill-pajjiż.

Kevin Cutajar kien kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali tal-2017, iżda kien ukoll kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tax-Xagħra.

Cutajar ħareġ ukoll għall-elezzjoni ġenerali tal-2013 u dik tal-Parlament Ewropew tal-2014.

huwa Kunsillier fil-Kunsill Lokali tax-Xagħra wara li ġie elett f’isem il-PN fl-elezzjonijiet li saru fl-2007, fl-2012 u fl-2015 u reġa' kien kandidat nhar is-Sibt li għadda.

More in Politika