Dalli u Metsola jiġru quddiem ... Sant, Agius Saliba, Cutajar u Casa warajhom

Norman Lowell jiġri bil-partiti ż-żgħar, bl-AD u l-PD jiksbu riżultati pjuttost negattivi

Hekk kif fadal ftit sigħat biex ikun magħruf ir-riżultat uffiċjali tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, is-sit illum.com.mt kiseb informazzjoni elettorali li turi li Miriam Dalli telgħet b'ħeffa hekk kif qabżet sew il-kwota ta' 37,000 vot.

Warajha, l-akbar ammont ta' voti se tkun ġabithom Roberta Metsola biex hekk se tkun it-tieni Ewroparlamentari eletta.

Id-differenza bejn Miriam Dalli ul-bqija tal-kandidati Laburisti u bejn Roberta Metsola u l-kandidati Nazzjonalisti hija waħda sostanzjali.

L-uniċi żewġ kandidati qrib tagħhom, iżda xorta 'l bogħod, huma Alfred Sant għall-Partit Laburista u David Casa għall-Partit Nazzjonalista.

B'hekk kif żvelat dan is-sit aktar kmieni illum, Roberta Metsola u David Casa se jkunu ż-żewġ Ewroparlamentari li rnexxielu jeleġġi l-Partit Nazzjonalista.

Iż-żewġ Ewroparlamentari l-oħra tal-Partit Laburista mistenna jkunu Alex Agius Saliba segwit minn Josianne Cutajar, biex hekk għall-ewwel darba, kandidata Għawdxija se tkun eletta fil-Parlament Ewropew.

Frank Psaila, li kien wieħed mill-kandidati l-aktar popolari tal-Partit Nazzjonalista, mistenni jitlef l-opportunità li jitla' Brussell wara li qabżu Casa u l-Partit Nazzjonalista tilef it-tielet siġġu.

Kif marru l-partiti ż-żgħar?

Fost il-kandidati tal-partiti żgħar jew indipendenti, l-aktar li mar tajjeb kien Norman Lowell li kiseb madwar 10,000 vot.

Issegwih, għalkemm b'ħafna inqas voti, hija Camilla Appelgren tal-Partit Demokratiku. Warajha hemm il-kap tal-PD, Godfrey Farrugia.

Arnold Cassola, li normalment jikseb ammont rispettabbli ta' voti, jidher li ħa daqqa 'l isfel. 

L-Alternattiva Demokratika ma tantx ġabet riżultat sodisfaċenti hekk kif il-kandidati tagħha kisbu ftit mijiet ta' voti. 

More in Politika