Farrugia jgħid li votanti vulnerabbli mhux jingħataw għajnuna biex jivvotaw lill-PD

F'filmat fuq Facebook, Farrugia saħaq li ċertu assistenti kummissarji elettorali li qed iqarrqu b'nies vulnerabbli

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qiegħed jallega li ċertu assistenti kummissarji elettorali mhux qed jagħtu l-għajnuna neċessarja lil dawk il-persuni li jkollhom bżonn l-assistenza biex jivvutaw.

F'filmat li tella' fuq Facebook, il-Kap tal-PD qed jisħaq li kien hemm persuni li qalu lil assistenti kummissarji elettorali li jridu jivvutaw lil Godfrey Farrugia iżda qed jgħidulhom li ma jinsabx fil-lista.

"Kien hemm min insista u qalilhom li dan tal-oranġjo. Nitlobkom semmuh l-oranġjo jekk tkunu tridu tivvutaw lill-kandidati tal-PD," saħaq Farrugia.

Akkuża lil ċertu assistenti kummissarji elettorali li qed iqarrqu b'nies vulnerabbli.

"Din hi s-sitwazzjoni f'pajjiżna. Fejn il-proċessi iħalluk bid-dubju," temm jisħaq il-Kap tal-PD.

More in Politika