Theresa May emozzjonata hi u tħabbar ir-riżenja tagħha

Il-Prim Ministru Theresa May ħabbret li se tkun qed tirriżenja minn Kap tal-Partit Konservattiv fis-7 ta' Ġunju li ġej

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May se tkun qed tirriżenja bħala kap tal-Partit Konservattiv fis-7 ta’ Ġunju li ġej u dan biex tagħmel spazju għal Prim Ministru ġdid.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Downing Street, May saħqet li hi għamlet mill-aħjar li setgħet biex tirrispetta r-riżultat tar-referendum tal-2016.

Insistiet li jiddispjaċiha ħafna u se tibqa’ ġġor magħha r-rimors li ma rnexxilix twettaq Brexit, kif xtaq ill-poplu.

Spjegat kif se tkun qed tirriżenja fis-7 ta’ Ġunju li ġej minn Kap tal-Partit Konservattiv iżda se tkompli sservi bħala Prim Ministru sakemm ikun elett il-kap il-ġdid.

May spiċċat bil-Grupp Parlamentari tagħha maqsum minħabba l-ftehim li hi nnegozjat mal-Unjoni Ewropea għal Brexit.

Anke membri fil-Kabinett tagħha stess irriżenjaw u oħrajn li għadhom fil-kariga qed jisħqu li għad għandhom ħafna riservi fuq dan il-ftehim, minkejja l-assigurazzjonijiet ġodda li ppreżentat il-Prim Ministru.

Fil-fatt, May tilfet tliet voti fil-Parlament dwar dan il-ftehim tant li kellha titlob estenjoni biex iseħħ Brexit.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Parlament Ingliż mistenni jerġa' jivvota dwar dan il-ftehim wara li bidliet u anke xi assigurazzjonijet li tat May, iżda jidher li għal darb'oħra, il-vot se jerġa' jkun kontra.

Nhar it-Tlieta li għadda, May wiegħdet lill-Parlament Ingliż vot dwar il-possibbilità li jsir it-tieni referendum dwar Brexit jekk jaċċettaw il-ftehim emendat.

More in Politika