Il-Parlament Ingliż jista' jivvota dwar it-tieni referendum għal Brexit

May wiegħdet dan il-vot lill-Parlament jekk il-ftehim li nnegozjat mal-Unjoni Ewropea jkun approvat

Il-Prim Ministri Ingliż Theresa May wiegħdet lill-Parlament Ingliż vot dwar il-possibbilità li jsir it-tieni referendum dwar Brexit jekk jaċċettaw il-ftehim emendat u nnegozjat bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea, liema ftehim diġà ġie rrifjutat tliet darbiet.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, May saħqet li d-Deputati se jingħataw "l-aħħar ċans" biex iwettqu Brexit.

Qalet ukoll li l-Gvern se jkun qed jippermetti wkoll lill-Parlament biex jiddeċiedi jekk temporanjament ir-Renju Unit għandux jibqa' fis-Suq Waħdieni. 

Dan il-ftehim "il-ġdid," li May se tkun qed tressaq quddiem il-Parlament, jinkludi garanziji ġodda għad-drittijiet tal-ħaddiema u anke dwar il-Backstop Irlandiż li weħħed dan il-ftehim u wassal biex May kellha titlob darbtejn estensjoni biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE bi ftehim.

Filwaqt li hi saħqet li hi tibqa' kontra t-tieni referendum, saħqet li tifhem u tapprezza l-fatt li hemm għadd ta' Deputati li jridu li r-Renju Unit jerġa' jiddeċiedi.

Jekk il-ftehim jerġa' jkun irrifjutat, May wissiet li se jkun qed jikber iċ-ċans li Brexit iseħħ mingħajr ftehim.

Ma fhimtx x'fih dan il-ftehim u għalfejn sab ħafna reżistenza? Agħfas hawn.

More in Politika