'Diżappuntanti li l-kampanja ġiet hijacked mill-abort' - tgħid kandidata tal-PD favur l-abort

... tgħid illi hija favur l-abort imma tfakkar ukoll li MEP m'għandu ebda setgħa fuq din il-materja

"Din il-kampanja elettorali kienet hijacked mill-kwistjoni tal-abort, xi ħaġa li hija inkreddibilment diżappuntanti." Hekk sostniet Cami Appegren., kandidata tal-Partit Demokratiku li ma tantx tomgħod il-fatt illi hija favur l-abort 'f'ċerti ċikostanzi'

Il-Partit Nazzjonalista tella' billboards dwar l-abort u għamel dan is-suġġett wieħed mill-aktar suġġetti importanti f'din il-kampanja fl-aħħar ġimgħatejn. Il-PN qed jimplika li l-firma ta' Muscat għall-manifest tas-Soċjalisti u Demokratiċi li qed jipproponi l-abort, fil-fatt ifisser li Muscat huwa favur l-abort. Il-Partit Laburista qed isostni illi dan mhux il-każ u li l-PL dejjem baqa' kontra l-introduzzjoni tal-abort. 

Ilejla id-Deputat Laburista Glenn Beddingfield fl-attività tal-PL fil-Ħamrun sostna li din hija gidba u li l-PL "ma jridx idaħħal l-abort."

Appelgren, minn naħa tagħha, qalet f'messaġġ twil fuq il-paġna tagħha ta' Faebook, illi hija favur il-prevenzjoni ta' sitwazzjoni fejn mara tħoss li għandha tagħmel l-abort imma hija favur ukoll tneħħija ta' projbizzjoni tal-abort. 

Appelgren tagmel ċar illi din hija l-pożizzjoni tagħha u mhux tal-Partit Demokratiku. 

"Jiena nagħraf illi l-abort dejjem se jsir, liġijiet jew le u li projbizzjoni assoluta ma tfissrix li n-nisa mhux qed jagħmlu abort. Jiena allura favur l-abort f'ċerti ċirkostanzi."

Hija qalet iżda illi l-abort mhuwiex fuq l-aġenda tagħha u li hija qed tagħfas l-aktar fuq l-ambjent. Wara kollox, tgħid Appelgren "MEP m'għandux setgħa fuq l-abort." 

 

More in Politika