Intervista | ‘Jiena pożittiv u saqajja mal-art imma din mhix elezzjoni faċli għall-PN’

Nhar is-Sibt li ġej il-poplu se jivvota lil dawk il-persuni li jixtieq illi jirrappreżentawh fl-UE. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Frank Psaila illi minkejja li ħiereġ għall-ewwel darba għal din l-elezzjoni għandu ċans tajjeb li jitla’ ...

Fadal biss ftit ġranet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u ħafna persuni li kellhom jiddieċiedu x’se jagħmlu u lil-liema partit se jivvutaw, issa probabbilment iddeċidew. Iżda r-riżultat għall-MEPs li se jkollha Malta mis-26 ta’ Mejju jibqa’ kaxxa magħluqa.

Il-Ħadd 12 ta' Mejju, il-gazzetta ILLUM irrapportat kif Frank Psaila u David Casa jinsabu f’taqtigħa ħarxa biex jakkwistaw it-tieni siġġu tal-PN, li fil-fatt jista’ jkun l-aħħar siġġu li jikseb il-PN f’din l-elezzjoni li mistenni jitlef.

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Frank Psaila, u tibda billi tistaqsih x’jaħseb illi kien l-akbar kontribut għal dak li jidher se jkun is-suċċess tiegħu. Il-fatt li baqa’ jidher fuq it-TV? Il-perċezzjoni li hu l-aktar kandidat viċin u ppreferut ta’ Adrian  Delia?

“Iva, naturalment li tkun espost huwa importanti. Il-fatt li n-nies jarawk fuq it-TV ifisser li meta tmur għandhom huma se jkunu jafuk. Jien ibbażajt il-kampanja fuq żjajjar fid-djar tan-nies, nista’ ngħidlek illi żort aktar minn 7,000 dar f’dawn is-sena u nofs li ili nikkampanja,” sostna Psaila.

Huwa jgħid illi  minn dawn iż-żjarat induna kemm fil-fatt hemm Nazzjonalisti li jħossuhom imweġġgħin u minsijin mill-Partit minħabba xi ħaġa li ġrat fil-passat. Inwaqqfu hemm u nitolbu jispjegali. X’inhuma dawn il-weġgħat? Huma nies li huma rrabjati għax il-PN ma qdiehomx jew nies li ma qablux aktar mal-politika tal-PN?

Psaila jindika li fil-fatt huwa ftit mit-tnejn. “Il-kuntest politiku Malti huwa wieħed fejn il-politiċi huma aċċessibbli,” jibda jispjega Psaila qabel imbagħad ifakkar illi dan ifisser li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn persuni jitolbu l-għajnuna mingħand il-poltitiċi, jew inkella direzzjoni. “Titlob gwida mingħand Ministru jew titlob li ma jkunx hemm tant riġidità u dewmien  fuq permess tal-MEPA għal żvilupp skont il-liġi. Il-punt kollu huwa li ħafna nies ħassew illi l-partit mhux qed jirrappreżentahom.”

‘Il-PN m’għarafx is-sinjali taż-żminijiet’

Is-sondaġġi qed juru titjib. Fejn qabel kienu qed juru distakk ta’ 70,000 vot, illum qed naraw distakk ta’ 45,000-50,000 vot, li xorta naturalment huwa ħafna. Imma Delia huwa work in progress

Huwa iżda jmur pass oltrè u jgħid li mhwiex biss dan li wassal għal telf qawwi ta’ popolarità, imma wkoll il-fatt li minkejja illi “l-PN dejjem kien assoċjat mal-libertà u imbotta s-sħubija tal-Unjoni Ewropea, imbagħad il-partit ma kienx hemm meta ġejna għad-drittijiet tan-nies,” sostna Psaila. Hu jsemmi d-divorzju li l-PN ħa pożizzjoni ċara kontrih kif ukoll id-drittijiet ċivili lil persuni omosesswali, li dwarhom il-PN astjena.

Hu jsemmi każ li sab meta kien qed idur id-djar. “Darba dħalt għand anzjana Nazzjonalista li għandha lil binha saċerdot. Aħna u nitkellmu dwar libertajiet u drittijiet hi qaltli li vvutat favur l-introduzzjoni tad-divorzju. Dan minħabba li binha l-ieħor kien għadda minn separazzjoni.”

Hu ammetta illi l-PN m’għarafx is-sinjali taż-żminijiet.

Imma allura jekk ma qarax is-sinjali taż-żminijiet, dakinhar, kemm iktar illum meta għandek Kap li iktar jipproġetta lilu nnifsu bħala politiku konservattiv? “Ma tinkwetanix din il-biċċa xogħol għaliex il-PN huwa mużajk.”

Sostna illi billi Delia jitkellem dwar il-valuri Nsara mhu qed jagħmel xejn ħażin. “Kien ikun ħażin kieku Delia ħa pożizzjonijiet riġidi kontra d-drittijiet. Ma jidhirlix li Delia ħa dawn it-tip ta’ pożizzjonijiet,” jisħaq Psaila.

‘Fil-każ ta’ stupru għandna noffru l-adozzjoni, minflok l-abort’

U fuq l-abort, ħa pożizzjoni riġida? “L-abort huwa xi ħaġa differenti għax huwa l-eliminazzjoni tal-ħajja u aħna bħala PN irridu niddefendu dejjem il-ħajja.” Hu jgħid illi f’każ ta’ stupru, illum hawn il-mezzi biex min irid ikun jista’ jagħti lit-tarbija għall-adozzjoni.

Imma l-gazzetta tistaqsih jekk jaħsibx li l-PN qed jinvesti wisq enerġija fuq din il-kwistjoni, ladarba l-PL mhux qed jgħid li se jdaħħal l-abort.

“Il-kampanja magħmula minn diversi suġġetti. Iffukajna fuq l-armonizzazzjoni tat-taxxa u parti mid-diskussjoni din il-ġimgħa kienet dwar l-abort. Kollox beda minħabba proposta tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D). Aħna qegħdin f’kampanja, ma jidhirlix li fuq din il-kwistjoni biss qed nitkellmu aħna.”

Imma qed ikollha l-effett elettorali mixtieq din il-kwistjoni? Hemm nies li qed ibiddlu l-vot għax qed jemmnu li l-Labour se jdaħħal l-abort?

“Ma ltqajtx, iżda ma nistgħux ngħidu li m’hemmx tħassib. Il-PN ħass li kellu jieħu din il-kwistjoni bis-serjetà u sewwa għamel,” jafferma Psaila.

‘Delia qatta’ l-ewwel sena tiegħu jindirizza r-reżistenza lejh’

Fil-bidu qal li l-PN kien inqata’ minn man-nies. Illum Delia huwa meqjus bħala persuna qrib in-nies u kif qal hu stess, il-kandidati Nazzjonalisti jiftaħru li qed imorru f’eluf ta’ djar. Allura kif fis-sondaġġi Delia qed jidher li għadu daqstant lura?

Jibda billi jfakkar illi Delia ħa l-PN wara telfiet kbar u jammetti li l-ewwel sena tat-tmexxija tiegħu intużat biex kemm jista’ jkun tkun indirizzata r-reżistenza li sab min-nies li ma riduhx bħala kap.

“Is-sondaġġi qed juru titjib. Fejn qabel kienu qed juru distakk ta’ 70,000 vot, illum qed naraw distakk ta’ 45,000-50,000 vot, li xorta naturalment huwa ħafna. Imma Delia huwa work in progress,” jinsisti Psaila.

‘Perikoluża jekk il-PL iżid id-distakk...’

Din il-gazzetta nnutat iżda li hemm sens ta’ rassenjazzjoni, donnu l-partit mhux qed jimmira għal riżultat aħjar.

“Tkun perikoluża jekk il-PL jirbaħ b’distakk ikbar għax il-Gvern isir super-potenti. Din mhix elezzjoni ġenerali, imma għallinqas nistgħu nagħmlu kambjament. Aħna qed nagħmlu minn kollox; qed immorru għand in-nies, qed nitlobu apoloġija...”

Lill-familja Caruana Galizia u dawk kollha li kienu jsegwuha reliġjożament tlabtuhom maħfra? Għax l-akbar problema tal-votanti PN hija fost is-segwaċi ta’ Caruana Galizia.

“Kieku jiena ma nagħmilx stqarrijiet daqstant ġeneriċi,” jisħaq mill-ewwel Psaila. “Sa dalgħodu stess iltqajt ma’ persuna li kienet issegwi lil Caruana Galizia u li se tivvota lill-PN. Illum bosta nies qed jindunaw u jifhmu, li ma jistax ikollok gvern b’super poteri għax din hija ħażina għad-demokrazija. Jista’ jkollok riservi kbar fuq persuna fil-PN, imma din l-elezzjoni hija dwar id-demokrazija wkoll. Kuljum qed naħdmu biex nikkonvinċu aktar nies,” sostna Psaila. “Jiena pożittiv u saqajja mal-art imma din mhix elezzjoni faċli għall-PN,” jammetti.

‘Naf Laburisti wegħduhom affarijiet tal-għaġeb’

Imma jekk il-poplu jerġa’ jagħżel lill-PL b’maġġoranzi kbar, ma tkunx l-għażla sovrana tal-poplu? Mhux ikun ifisser li l-poplu kuntent?

“Ifhem jiena niltaqa’ ma’ ħafna Laburisti li għamlu 25 sena jappoġġjaw lill-partit tagħhom u li llum ingħataw il-ġenb...” ninterrompih u nistaqsih jekk hawn hux qed nitkellmu dwar persuni li forsi ma nqdewx jew ma ħadux xi ħaġa li xtaqu, anke jekk ma kienx ħaqqhom.

Tkun perikoluża jekk il-PL jirbaħ b’distakk ikbar għax il-Gvern isir super-potenti. Din mhix elezzjoni ġenerali, imma għallinqas nistgħu nagħmlu kambjament

Hu jisħaq li hemm persuni differenti. “Hemm Laburisti Għawdxin, li pereżempju ma jinqdewx fl-isptar u huma inkwetati u iva hemm dawk li qabel l-aħħar elezzjoni webbluhom b’xi xogħol pereżempju. Naf Laburisti wegħduhom affarijiet tal-għaġeb, xi xogħol ta’ assistant driver, pereżempju. Mhux xufier, imma xi ħadd li jagħti d-direzzjonijiet lix-xufier. Jista’ jkun li din talba eseġerata, imma jekk webbluhom lin-nies, tistenna mod ieħor?” staqsa rettorikament Psaila.

U switchers li forsi xebgħu mill-PL qed iħarsu lejn il-PN? “Fadal ħafna xogħol x’nagħmlu fuq dawn in-nies, ħafna,” jammetti l-kandidat Nazzjonalist mal-ILLUM.

‘Jiġri x’jiġri, wara l-elezzjoni rridu niġbdu ħabel wieħed’

Infakkru li hu kien l-aktar persuna li b’forza qed isosotni li jkun xi jkun ir-riżultat Adrian Delia għandu jibqa’ kap tal-PN. Imma skużi jekk ikun ċar li settur kbir ta' Nazzjonalisti ma jridux jafu b’Delia, dak il-periklu għad-demokrazija li tkellem dwarha hu stess jkun qed jiġi mġebbed għal tliet snin oħra jekk jibqa’ “jiġri x’jiġri”.

“Le ma naħsibx,” jibda jgħid Psaila. “Ma naħsibx li kap ġdid tiġġudikah biss sena wara li jkun elett fil-kariga. Ikun xi jkun ir-riżultat, “internament wara, kulħadd irid jifhem li rridu niġbdu ħabel wieħed, iktar minn qatt qabel.” Hu jfakkar fl-1996, meta bosta kienu talbu għar-riżenja ta’ Eddie Fenech Adami iżda dan baqa’ “u ara x’suċċessi għamel wara.”

Jisħaq illi qed isiru ħafna konklużjonijiet fuq elezzjoni li għadha ma saritx u ma jħossx li dan hu sew. “Aħna m’għandniex il-power of incumbency favurina. Aħna ma nistgħux indendlu l-karrotta bħal Muscat, noqogħdu nwiegħdu l-impjiegi u l-akkomodazzjoni soċjali qabel l-elezzjoni.”

‘Il-Gvern għandu pjan ekonomiku li huwa mibni fuq il-barranin’

Indawru s-suġġett u nitkellmu dwar il-barranin. Kemm verament qegħdin jinkwetawhom il-barranin lin-nies? Kemm qed jisma’ lmenti?

“Ilbieraħ kont qiegħed l-Imsida u jekk għamilt 10 minuti hemm, barranin biss għaddew. M’hemm xejn ħażin,” jgħid mill-ewwel bħal donnu biex jiċċara l-ewwel stqarrija tiegħu. Qabel il-gazzetta għandha ċans tirreaġixxi wisq jgħid li l-problema mhix il-barranin imma “li għandna pjan ekonomiku mibni fuq il-barranin.”

“Aħna ġibna l-qasam tal-gaming, aħna ġibna s-servizzi finanzjarji. Nifhem li f’ċerti xogħlijiet hemm bżonn ta’ ċerti barranin, imma ma nistgħux nibbażaw kollox fuq settur wieħed.”

Imma x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed jpoffri l-PN? “Serjetà,” jibda jgħid Psaila. Hu sostna li hemm bżonn illi min iħaddem u l-ħaddiema lkoll ipoġġu bilqiegħda u jiddiskutu x’futur ekonomiku rridu nagħtu lill-pajjiż, x’oqsma rridu u aktar.

Infakkru illi jekk ikun hawn ħaddiema ta’ valur il-kirjiet li, ġustament, tant qed jitkellem dwarhom il-PN ikomplu jiżdiedu.

Li tqajjem ċerti kwistjonijiet fil-Parlament Ewropew ma fiha xejn ħażin u jien hekk se nagħmel ukoll. Imma rrid ukoll li nqajjem kwistjonijiet li jgħaddu minnhom in-nies ta’ kuljum

Inwaqqfu u ngħidlu li biex jiżdiedu l-pagi jrid jitnaqqas l-abbuż, li l-ebda partit fil-gvern ma kien lest li jiġġieled kontrih biżżejjed.

Frank Psaila jammetti li f’pajjiżna hawn inġustizzji kbar u jsemmi persuni li qed jitħallsu €4.50 fis-siegħa. “Din it-tip ta’ sitwazzjoni rridu nirranġawha,” jgħid Psaila.

Infakkru illi minkejja tgergir dwar pagi u prezzijiet ħafna xorta jemmnu li huwa dan il-Gvern li jista’ jagħmel differenza, wara kollox ħafna jħossu li dan il-Gvern jibgħatlek iċ-ċekkijiet u l-gvern l-ieħor il-kontijiet.

“Jiena mhux qed ngħid li ħażin li jintbagħtu ċ-ċekkijiet. Imma ladarba sejrin tajjeb kemm hu aħjar li nieħdu deċiżjonijiet iktar radikali! Bħal, pereżempju, inwessgħu l-bands tat-taxxa.

‘Saru ħafna allegazzjonijiet imma investigazzjoni fuq Delia, m’hemmx’

Resqin lejn it-tmiem u nfakkru illi l-PN jidher li sejjer ħażin mhux biss għax Delia huwa ġdid fix-xena imma wkoll għax hemm akkużi li saru minn Daphne Caruana Galizia u li dawn, fattwalment, ma jistgħux ikunu kkonfermati jew miċħudin għax Delia waqqa’ l-libelli, l-għada li nqatlet Daphne.

“Din il-persuna kienet assassinata u l-għada Delia waqqa’ l-libelli bħala sinjal ta’ rispett. Issa dwar dan l-assasinju rrid ngħid li għad hemm mistoqsijiet kbar. Wasal iż-żmien li nsibu tarf ta’ din il-kwistjoni,” sostna l-kandidat Nazzjonalista.

Dwar Delia jgħid illi smajna ħafna allegazzjonijiet imma ma saritx investigazzjoni. Infakkru li lanqas fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri ma saru investigazzjonijiet imma l-PN xorta qed isibhom ħatja ta’ korruzzjoni.

“Differenti. Fuq tal-Panama, waqt li n-nies kienu qed jifirħu li kien elett Gvern Laburista, Ministru ewlieni mar jiftaħ kont il-Panama. X’kien l-iskop? Jekk ried iġemma’ għall-familja għalfejn ma fetaħx kont Malta?”

Għal mument naqbżu fuq Egrant u jgħidli illi huwa dak li jgħid Delia li jgħodd għalkemm ma jagħtix tort lil dawk li jemmnu illi Egrant ta’ Muscat ladarba r-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja għadu ma ġiex ippubblikat.

‘Se noffri stil ta’ politika viċin in-nies’

U finalment issir l-akkuża illi l-MEPs tal-PN fl-aħħar snin għamlu ħsara kbira lill-pajjiż b’tixwix. Hu x’jaħseb?

Psaila ma jidhirx impressjonat u jisħaq illi din tal-ħsara lil Malta Muscat “biegħha” tajjeb. “Jiġifieri jkunu qed jinħatfu l-istituzzjonijiet u ma nitkellmux dwar dawn l-affarijiet?” jistaqsi Psaila rettorikament.  

“Dawn id-dover tagħhom kienu qed jagħmlu. Xi pretendew li ma nagħmlu xejn? Li tqajjem ċerti kwistjonijiet fil-Parlament Ewropew ma fiha xejn ħażin u jien hekk se nagħmel ukoll. Imma rrid ukoll li nqajjem kwistjonijiet li jgħaddu minnhom in-nies ta’ kuljum.”

“Jiena se noffri stil ta’ politika viċin in-nies, politika fuq dak li qed iħossu n-nies,” itemm jgħid Frank Psaila mal-gazzetta ILLUM.

More in Politika