'Hemm responsabbilitajiet u mistoqsijiet li jridu jitwieġbu' - Delia dwar l-arrest tas-suldati

Delia jinsisti li l-elezzjoni tas-Sibt li ġej se jiddeċiduha dawk li għadhom indeċiżi x'se jagħmlu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li hemm responsabbilità x’tittieħed wara li żewġ suldati ġew arrestati b’rabta mal-qtil kiesaħ u biered ta’ Lassana Cisses Souleyman f’April li għadda f’Ħal Far.

Waqt attività politika fis-Siġġiewi, il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob inkjesta indipendenti u awtonoma biex tistabbilixxi kif sar l-ingaġġ tas-suldati u jekk setax isir xi ħaġa biex dan l-inċident ikun evitat.

Insista li filwaqt li wieħed ma jistax jasal għal konklużjonijiet, l-Oppożizzjoni mhux se tagħmel kif qed jagħmel il-Gvern u teżenta minn kull responsabbilità lill-awtoritajet qabel isiru magħrufa l-fatti kollha.

Ikkritika wkoll lill-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia li fi kliem Delia, qiegħed jippolitiċizza dan l-inċident u saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhux se jaqa’ f’din in-nassa.

“Din hija xi ħaġa xokkanti u teħtieġ li l-pajjiż u mhux il-Gvern jirreaġixxi fuqha. Ma nistgħux nittollerraw li l-pajjiż li salva tant nies fl-istorja tiegħu ikun il-pajjiż assoċjat mar-razziżmu. Din mhijex Malta li naf jien,” insista Delia.

Fakkar li dan ir-raġel kellu tlett itfal u kellu qalb bħal kull bniedem ieħor u nqatel biss minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu.

"Malta ma għadhiex sigura'

Qaleb id-diskors biex jitkellem dwar l-immigrazzjoni u appella lill-Prim Ministru biex ikun ċar fil-pjan tiegħu.

Insista li l-Partit Nazzjonalista huwa ċar. Kemm fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew u anke fil-manifesti tiegħu. Saħaq li filwaqt li l-pajjiż irid ikun ġust ma' min ħaqqu l-protezzjoni u jpoġġi qabel kollox id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, irid ikun b’saħħtu ma’ min ma ħaqqux il-protezzjoni u aħrax ma' min jabbuża minn persuni vulnerabbli.

Kien hawn li Delia, filwaqt li insista li ma jridx jallarma jew inkella jbeżża,’ qal li Malta ma għadhiex sigura kif kienet.

“Staqsu lilkom infuskom. Malta għadha sigura kif kienet għaxar snin ilu?,” staqsa Delia.

Hawnhekk Delia rringrazzja lill-Forzi Armati ta’ Malta li fi kliemu kuljum jirriskjaw ħajjithom biex fil-bnazzi jew il-maltemp joħorġu jsalvaw il-ħajjiet u anke lill-Pulizija għax-xogħol tagħhom.

'Muscat ma jitkellimx fit-tul fuq il-pajjiż għax se jitlaq u ma jimpurtahx'

F’dan l-aħħar Ħadd tal-kampanja elettorali, għadda biex jitkellem ukoll dwar dawk il-kwistjonijiet li l-Partit Nazzjonalista insista dwarhom tul dawn il-ġimgħat, partikolarment il-proposta tas-Soċjalisti Ewropej favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa.

Insista li jekk tgħaddi tas-Soċjalisti Ewropej, jiġifieri jekk Frans Timmermans isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ikun ifisser theddida għal eluf ta’ ħaddiema Maltin li jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming.

Kien hawn li akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li mhux jitkellem fit-tul dwar il-pajjiż għax hu se jitlaq u "ma jimpurtahx."

Temm jitkellem ukoll fuq l-aħħar sondaġġi ppubblikati llum, inkluż mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ MediaToday, u anke jekk id-distakk bejn il-partiti għadu wieħed sostanzjali, Delia insista li l-elezzjoni se jiddeċiduha dawk li għadhom ma jafux kif se jivvutaw.

Kien hawn li appella lil dawk li għadhom indeċiżi jew li mhux se jivvutaw li jekk jibqgħu d-dar se jkunu qed jgħidu “iva lill-Gvern li ma jimpurtahx,” u jaqblu mal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet lill-kumpanija mhux magħrufa, li jkun hemm min idaħħal il-miljuni mill-kuntratti tal-enerġija u li ma jkunx hemm investiment fl-edukazzjoni.

Casa jorbot l-arrest tas-suldati ‘mat-tnaqqir’ tal-valuri f’Malta

Tul l-attività tkellem ukoll l-Ewroparlamentari David Casa, li saħaq li l-valuri f’Malta qed jitnaqqru u fi kliemu, ix-xhieda ta’ dan huwa l-uffiċjali tal-Formati li ġew arrestati u akkużati bil-mewt ta’ Lassana Cisses Souleyman f’Ħal Far.

“Ma jistax ikun li uffiċjali tal-Forzi Armati, flok jiddefendu l-poplu jwettqu att xokkanti,” saħaq Casa waqt attività politika fis-Siġġiewi. “

Rabat dan mal-fatt li fi kliemu d-demokrazija f’Malta tinsab mhedda u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huma maħkuma mill-Gvern.

Kien hawn li kkwota l-innu tal-Partit Nazzjonalista u saħaq li hu u sħabu “lesti jċarċu demmhom,” biex, fi kliemu, terġa’ ssaltan id-demokrazija.

Psaila b’appell lin-Nazzjonalisti mweġġa’

Min-naħa tiegħu, f’appell imqanqal Frank Psaila talab apoloġija lil dawk in-Nazzjonalisti mweġġa’ u waqt li kkwota l-innu tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lin-Nazzjonalisti kollha biex joħorġu jivvutaw għax fi kliemu “kull vot jgħodd.”

Irrefera għad-dibattitu waqt il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa u saħaq li hu u l-kollega tiegħu Peter Agius marru b’argumenti u rebħu lill-kandidata Laburista Miriam Dalli u lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

“Aħseb u ara kieku kien hemm Adrian Delia ma’ Joseph Muscat,” saħaq Psaila

More in Politika