'Il-każ Egrant mhux magħluq iżda għadu miftuħ beraħ'

Jason Azzopardi jisħaq li l-PN mhux se jistrieħ qabel ikun jaf x'fihom l-1,400 paġna tar-rapport Egrant

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi saħaq li l-każ ta’ Egrant mhux talli mhuwiex magħluq talli huwa miftuħ beraħ.

Huwa qal dan meta kien qiegħed jindirizza l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta.

Azzopardi tkellem dwar id-deċiżjoni li ħadet ilbieraħ il-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża li fetaħ Adrian Delia dwar ir-rapport tal-inkjesta Egrant u saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhux se joqgħod kwiet qabel ikun jaf x’fihom l-1,400 paġna f’dan ir-rapport.

Fi kliemu, jekk f’dawk il-paġni, hemm informazzjoni serja fuq persuni viċin Joseph Muscat u l-Partit Laburista, l-istorja hija differenti ħafna.

Kien hawn li staqsa għalfejn il-Prim Ministru Joseph Muscat aġġorna l-Parlament għal ħmistax oħra. Saħaq li għalkemm ħmistax mhux ħafna, din qatt ma ġrat la fl-2004, la fl-2009 u lanqas fl-2014.

Irrefera għad-diskorsi tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u għajjar lill-Prim Ministru bħala bniedem korrott waqt li kkwota lil Delia jgħid li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korrott.

“Ma tistax tiġġieled il-korruzzjoni jekk int korrott,” saħaq Azzopardi.

Tul l-intervent tiegħu kkritika lill-Kummissarju tal-Pulizija li ma għamel xejn dwar diversi każi, waqt li fakkar li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa Muscat meta sar Prim Ministru kienet li jbiddel il-Kummissarju, għax fi kliemu ried li jaħbi l-ħażin tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru.

Temm jappella lin-Nazzjonalisti biex jagħmlu kuraġġ, għax fi kliemu “aktar ma hi kbira l-muntanja aktar hi kbira l-ħeġġa tagħna.”

More in Politika