Delia jisfida lil Muscat: 'Ejja fuq Xarabank ħa nuruhom min vera qalbu mal-ħaddiem'

Adrian Delia u David Casa jgħidu li l-MEPs Laburisti vvutaw 16-il darba f'sentejn favur l-abort fil-Parlament Ewropew ... '16-il darba idden is-serduk' jgħid Delia

Adrian Delia (Arkivji)
Adrian Delia (Arkivji)

Meta kien qed jitkellem ilejla f'Ħaż Żabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal illi l-MEPs Laburisti vvutaw favur l-abort "16-il darba f'sentejn fil-Parlament Ewropew. 16-il darba idden is-serduk," sostna Delia f'referenza Bibblika għaċ-ċaħda ta' san Pietru. 

 "Issa qal li jrid jiddiskuti l-abort. Jekk trid tiddiskuti ejja fuq Xarabank nhar il-Ġimgħa u ddiskuti," sfida lill-PM, "ħa nispjegaw, ħa nuruhom min iħobb il-ħaddiem, ħa nuruhom lin-nies min għandu qalbu mal-anzjani, qalbu man-negozji li qed ifallu, min verament qiegħed jiddiskuti u jisma' u min verament qiegħed hawn għas-servizz tal-Maltin mhux tal-ftit."

Hu reġa fakkar li s-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej (S&D) mhux biss qed jipproponu l-abort imma qed jipproponu wkoll l-armonizzazzjoni tat-taxxa. "Għal 25 sena sħaħ Gvern Nazzjonalista ġab u kabbar is-settur finanzjarju biex jiftħu kumpaniji serji f'pajjiżna u jinħoloq ix-xogħol. U s-Soċjalisti Ewropej jridu jieħdulna s-setturi tal-gaming u s-settur finanzjarju li jiġġenera €1 biljun fl-ekonomija," fakkar il-Kap tal-PN.

"Vot lill-Partit Laburista huwa vot biex Frans Timmermans jiddeċiedi għalina fil-qasam tat-taxxa," wissa. 

Hu appella biex ma jkunx hawn firda fil-pajjiż u qal illi Oppożizzjoni iktar b'saħħitha tfisser poplu iktar b'saħħtu. "Oppożizzjoni b'saħħitha hija vuċi għalikom, għal min ma jistax jitkellem, għal min jgħix f'partijiet ta' pajjiżna fejn mhux igawdi, għal min mhux qed igawdi mill-ġid," saħaq Delia. 

Appella lil dawk preżenti biex kulħadd jipparteċipa; "Ejjew tkellmu, ipproponu. Intom bil-vot tagħkom tistgħu tkunu forza, fis-skiet tbiddlu lil pajjiżna u lill-Ewropa."

Huwa sellem lill-familja tal-vittmi ta' inċident tat-traffiku ftit ġimgħat ilu fl-Imġarr.

'Jgħidulkom ħaġa imma jagħmlu oħra' - David Casa

L-MEP David Casa qal li l-Partit Laburista f'Malta jgħid mod u fl-UE jagħmlu mod ieħor. "Aħna qed nuru li meta nkunu attakkati, aktar nirbħu l-argument."

Casa sostna li l-PM Joseph Muscat, "anke jekk ma qalulkom xejn," qed jappoġġja rapport tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) li qed jipproponi l-abort. "F'sentejn u għal 16-il darba l-MEPs tal-Labour ivvutaw favur l-abort," allega Casa. Hu kompla jgħid li l-Manifest tal-S&D jipproponi wkoll l-armonizzazzjoni tat-taxxa, bħal Delia li tkellem eżatt warajh.. 

Dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-VGH huwa qal li Muscat u l-Gvern Laburista "missu jistħi" li qed jippompja flus lil xi ħadd li ma jafx, f'referenza għall-fatt li l-Ultimate Beneficiary Owner tal-VGH baqa qatt ma sar magħruf.  "Dawn ħallelin u korrotti," jgħid Casa.

'Monte Carmeli huwa insult' - Stephen Spiteri

Id-Deputat Stephen Spiteri qal illi ffirma petizzjoni kontra żvilupp propost fil-konfini ta' Ħaż Żabbar, żvilupp li qed ikun propost fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ). 

Hu qal illi minkejja li l-qasam tas-saħħa huwa b'xejn, fil-fatt qed inħallsu għaliha mit-taxxi, "għalhekk irridu naraw li l-kura u l-mediċina tkun ta' kwalità tajba. Jiena nemmen li qed isir titjib, bħaċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid f'Ħal Kirkop, nirrikonoxxi l-programmi ta' għoti tal-vaċċin ... imma mbagħad aħna fl-obbligu li nwasslu l-karba ta' wħud. Hemm 'l fuq minn 60,000 pazjent fl-Outpatients jistennew l-appuntament," sostna Spiteri li huwa wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-qasam tas-saħħa. 

Hu tkellem dwar il-proposti tal-PN dwar il-kanċer. "Aħna bnejna ċ-Ċentru tal-Onkoloġija," jisħaq filwaqt li jappella biex isir sptar ġdid għal pazjenti ta' saħħa mentali għaliex Monte Karmeli, skontu huwa, "insult" u ma jixraqx lill-pazjenti li jbatu minn mard mentali. 

'L-ambjent jinsab taħt assedju' - Michael Briguglio

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio sfida lil Muscat jgħid hux se jagħmel riklamazzjoni tal-art fix-Xgħajra jew le u sostna illi hu se jara illi jsiru studji ambjentali biex "il-Gvern ma jgħaddix rombu."

"L-ambjent jinsab taħt assedju," qal Briguglio. "Muscat qal li qed itina iktar krejnijiet minflok siġar,"  kompla  Briguglio f'referenza għat-titlu li għażel dan is-sit għad-diskors tal-PM Joseph Muscat f'Birżebbuġa.  "Nitkellmu dwar din il-parti ta' Malta. Il-Gvern ta l-art taż-Żonqor lil ta' Sadeen u qal illi se jagħmel park, għaddew erba' snin u ma sar xejn."

'Kull vot jgħodd' - Michael Mercieca

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew  Michael Merciea qal illi kien il-PN li beda diversi proġetti fid-distrett tal-Kottonera filwaqt li, skontu, dan il-Gvern kompla biss dak li beda Gvern ieħor. 

Hu appella liċ-ċittadini tat-Tieni Distrett biex jivvutaw lill-kandidati kollha tal-PN. "Kull vot jagħmel differenza, appoġġjaw lill-kandidati kollha tal-PN għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew," temm jgħid Mercieca

 

More in Politika