'Fejn ħaddieħor ried jagħmel il-krejnijiet aħna se nagħmlu s-siġar' - Muscat

Il-PM u Mexxej Laburista jsostni li minflok għal Freeport, biċċa art kbira f'Birżebbuġa se titħalla biex isir masġar kbir

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Meta kien qed jitkellem f'Birżebbuġa ilejla l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat sostna li fil-post fejn ħaddieħor ried jagħmel il-krejnijiet u l-kontejners tal-Freeport il-Gvern preżenti se jagħmel masġar, biex iż-żona tkun mogħtija lura lill-komunità. 

Hu kien qed jirreferi għall-proġett imħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa li permezz tiegħu se jsir masġar ta' 8,000 siġra fuq 80 tomna art fiż-żona ta' Bengħisa, f'Birżebbuġa. Muscat ametta li f'Bdin il-lokalità hemm problema ta' tniġġis permezz ta' żejt li qed inixxi u qal "illi ladarba ilu snin sħaħ nieżel ma nistax inwaqqfu mil-lum għal għada, imma nserħilkom raskom li aħna l-problema nagħrfuha, imbagħad nsolvuha."

Dwar il-qasam tal-ambjent in ġenerali Muscat sostna illi aktar nies illum qed jitkellmu dwar l-ambjent bħala waħda mill-prioritajiet tal-pajjiż, issa li, skontu, il-familji qed iħossu li sejrin tajjeb u jaraw il-pagi jiżdiedu. "Għalhekk neħħejna l-Heavy Fuel Oil mill-Power Station. Issa l-karozzi jonqos, se nibdew nibdluhom ftit, ftit," qal Muscat f'referenza għall-karozzi elettriċi.

Dwar it-toroq Musat qal li l-Gvern qed jagħmel it-toroq hu minflok isiru mill-Kunsilli , "għax ma kinux qed isiru." Muscat sostna illi l-Gvern Nazzjonalista għabba lill-Kunsilli Lokali bil-piż tat-toroq "u ma tahomx l-għodda imbagħad biex jaħmluhom. Aħna qed ngħidu, mela jagħmilhom il-Gvern kollha t-toroq u se nagħmlu dan b'investiment ta' €700 miljun." 

"Aħna qed inbiddlu din il-linja ta' ħsieb u l-Kunsilli Lokali xorta ħallejnilhom l-flus lill-Kunsilli Lokali biex huma jagħmlu proġetti ta' ġid il-lokalità filwaqt li t-toroq nagħmulhom aħna."

Intant Luciano Busuttil minn Sport Malta sostna illi Birżebbuġa inbidlet f'ċentru sporitv bil-pixxina l-ġdid u grawnd tal-football, fost affarijiet oħrajn. 

Il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera fakkar illi f'Birżebbuġa se jitħawli 8,000 siġra, apparti arbuxelli fiż-żona ta' Bengħisa u qal li dan se jkun l-akbar proġett ta' afforestazzjoni fl-aħħar snin.

Il-PM u Mexxej Laburista saħaq illi l-PN mhux biex nesa' lin-naħa ta' isfel tal-pajjiż iżda, skontu, lanqas irid lin-nies tan-naħa ta' isfel imorru jivvotaw. 

More in Politika