Il-PN jipproponi taqsima fil-Korp tal-Pulizija li tiġġieled il-korruzzjoni fl-isport

Qed jipproponi wkoll li l-iskejjel jiddedikaw 30 minuta kuljum għall-eżerċizzju fiżiku

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li titwaqqaf taqsima fil-Korp tal-Pulizija li xogħolha jkun li tinvestiga u tippreveni każijiet ta’ korruzzjoni fl-isport.

Din hija waħda minn 32 proposta mressqa llum mill-Partit Nazzjonalista, għall-istrateġija nazzjonali dwar l-isport.

Kemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isports, Ryan Callus, saħqu li dawn il-proposti huma maqsuma fit-tnejn biex jolqtu kemm l-isport professjonali iżda anke biex l-isport ikun aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Agius irrefera għar-rata tal-obeżità f’Malta li tpoġġina mal-agħar pajjiżi u għalhekk saħaq li l-pajjiż għandu jaħdem aktar biex iħeġġeġ l-eżerċizzju fiżiku minn età żgħira.

Fil-fatt, waħda mill-proposti li qiegħed jagħmel il-Partit Nazzjonalista hija li l-iskejjel jiddedikaw 30 minuta kuljum għall-eżerċizzju fiżiku.

“Irridu qabża ta’ kwalità fl-isport professjonali u għalhekk irridu nkattru kultura sportiva f’Malta,” saħaq Agius.

Il-PN bi proposti għal aktar atleti professjonali full time

Id-Deputat Ryan Callus daħal aktar fid-dettall tal-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista, fosthom dwar qafas li jkun jista’ jagħżel atleti li kisbu suċċess jew inkella li jippromettu bil-għan li l-Gvern jgħinhom jiddedikaw ħajjithom għall-isport full time.

“Bi proposta bħal din qed nieħdu l-isport fuq livell ġdid biex nġibu aktar suċċessi,” saħaq Callus waqt li fakkar li bħalissa, ħafna mill-isportivi u l-atleti Maltin jiddedikaw biss il-ħin liberu tagħhom għall-isport u dan ipoġġihom fi żvantaġġ meta jikkompetu barra minn Malta.

Jipproponi kreditu ta' taxxa għall-voluntiera fl-isports

Proposta oħra li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista hija li kull assoċjazzjoni sportiva jkollha uffiċjal amministrattiv, anke jekk impjegat mal-Gvern, li jkun full time.

Huwa saħaq li filwaqt li dawn l-assoċjazzjonijiet ħafna drabi jaħdmu bil-voluntiera fil-ħin liberu tagħhom, jekk il-pajjiż irid li jsaħħaħ l-isport professjonali, il-Gvern għandu jżid l-allokazzjoni finanzjarja tiegħu għalihom u jkun hemm persuna li tamministrahom u li taħdem full time.

Iżda l-voluntiera jibqgħu importanti, u għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi wkoll li jkun inċentivat ix-xogħol li jwettqu dawn il-voluntiera permezz ta’ kreditu ta’ taxxa għas-sigħat mogħtija mill-istess voluntiera fid-dixxiplini sportivi.

Jipproponi wkoll cycling highway f'Ta' Qali u bnadi oħra

Callus tkellem ukoll fuq l-importanza li jiżdiedu l-faċilitajiet sportivi, partikolarment għal dawk id-dixxiplini li sa issa ma għandhomx faċilità.

Tkellem ukoll fuq il-korsa taż-żwiemel fil-Marsa u saħaq dwar il-bżonn ta' investiment fiha u f’din id-dixxiplina u semma wkoll il-futsal, li fi kliemu wkoll għandu bżonn faċilitajiet sportivi, għal kulma jmur dejjem qed isir sport popolari.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi wkoll li f’Ta’ Qali ssir ‘cycling highway,’ jiġifieri korsija jew trakka li tkun għaċ-ċiklisti u li tkun tista’ tintuża wkoll minn dawk li jkunu jridu jmorru jimxu.

Apparti Ta’ Qali, qiegħed jipproponi li ssir oħra fit-tramuntana u oħra fin-nofsinhar ta’ Malta.

Callus fakkar ukoll li kien il-Partit Nazzjonalista li waqqaf l-iskola sport iżda saħaq li wara s-suċċess tagħha, wasal iż-żmien li din tittieħed ukoll fuq livell post-sekondarju.

'L-isport jista' joħloq ix-xogħol u jgħin l-ekonomija'

Matul il-konferenza tkellem ukoll il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport Dione Borg li faħħar il-proposta għal taqsima fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li tinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni fl-isport.

Fi kliemu, jekk il-Maltin ma jkollhomx fiduċja fit-timijiet sportivi dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq is-suċċessi li l-Partit Nazzjonalista jixtieq li l-isport f’Malta jibda jilħaq.

Appella wkoll lill-Gvern biex iħares lejn l-Isport bħala settur li permezz tiegħu jista’ jinħoloq ix-xogħol u jsaħħaħ l-ekonomija.

More in Politika