'Kull sena se jibda jkollna l-belt jew ir-raħal tal-kultura' - Muscat

Din hija waħda minn sensiela ta' proposti li l-Partit Laburista qiegħed iressaq 'il quddiem għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali

Illum waranofsinhar, il-Partit Laburista nieda l-programm elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex, billi ppreżenta manifest għal kull lokalità u manifest ieħor ġenerali bil-għan li tissaħħaħ il-ħidma tal-kunsilliera fil-lokalitajiet.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Couvre Port fil-Birgu, il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li wara konsultazzjoni wiesgħa, il-Partit Laburista nnota li l-kwalità tal-ħajja saret il-prijorità ta’ ħafna Maltin u Għawdxin u propju għalhekk li l-Partit Laburista qed ipoġġi l-indafa fil-lokalitajiet bħala l-punt ewlieni ta’ dan il-programm elettorali tiegħu.

Fost il-proposti l-aktar interessanti li qiegħed jagħmel il-Partit Laburista għal dawn l-elezzjonijiet hija li kull sena, se tibda tingħażel belt jew inkella raħal li ġġor jew iġorr it-titlu tal-belt jew ir-raħal kulturali tas-sena.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru spjega kif din il-lokalità kulturali se tkun qed tingħażel wara li jsiru s-sottomissjonijiet mill-kunsilli lokali u l-lokalità li tingħażel tkun fiċ-ċentru ta’ diversi attivitajiet kulturali li jsiru matul is-sena.

Qalba għall-karozzi tal-elettriku ... rwol ċentrali għall-kunsilli

Il-Prim Minstru spjega kif il-Partit Laburista se jkun qiegħed jagħti rwol ċentrali lill-kunsilli lokali fil-qalba għall-użu ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, li fi kliemu, id-dettalji dwarha se jkunu qed jingħataw fiż-żmien li ġej.

Kompla jisħaq li għal dan il-għan, kunsilli lokali mmexxija minn maġġoranza Laburista se jkunu qed jaraw li l-vetturi tal-kunsill li jinxtraw ikunu jaħdmu bl-elettriku u anke jaħdmu biex jiżdiedu l-faċilitajiet fil-lokalitajiet fejn persuna tkun tista’ tiċċarġja l-karozza tagħha.

Rotot aħjar tat-trasport pubbliku...

Il-mexxej Laburista qal ukoll li f’dawk il-lokalitajiet immexxija minn maġġoranza Laburista, il-kunsilliera se jkunu qed jaħdmu biex il-kunsill lokali jidħol f’diskussjonijiet mal-operatur tat-trasport pubbliku bil-għan li jiżdiedu jew jiġu żviluppati rotot aħjar lejn id-diversi lokalitajiet.

Dwar it-trasport ukoll, il-Partit Laburista qed iwiegħed li fil-lokalitajiet kollha mmexxija minn maġġoranza Laburista, se jkun offrut servizz ta’ trasport nadif b’xejn għall-anzjani.

Safe City ... estiż għal-lokalitajiet li jitolbuh

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet u wiegħed mhux biss l-introduzzjoni tal-community policing, imma anke li l-kunċett ta’ ‘Safe City’ jkun estiż f’dawk il-lokalitajiet li jitolbuh, bil-għan li jiġġieldu aħjar il-kriminalità.

Fil-Baġit għal din is-sena, il-Gvern kien ħabbar li, “wara konsultazzjoni,” f’Paceville se tkun installata t-teknoloġija magħrufa bħala “facial recognition,” jiġifieri l-installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà li, fi kliem sempliċi, jidentifikaw lil dawk li jidhru fil-filmat.

Issa, il-Prim Ministru ħabbar li aktar lokalitajiet se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn din is-sistema, li iżda għadha qatt ma ġiet installata f’Malta.

Aktar smart parking technology fil-lokalitajiet

Il-programm jitkellem ukoll dwar l-introduzzjoni ta’ infrastruttura moderna, bil-Prim Ministru jispjega kif kunsilli b’maġġoranza Laburista se jkunu qed jaħdmu fuq l-introduzzjoni ta’ smart parking technology bil-għan li s-sewwieqa jkunu jafu fejn u kemm hemm parkeġġi liberi fit-toroq tal-lokal.

Rwol ċentrali għall-kunsilli fl-iskema tar-rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb

Fejn jidħol l-ambjent u l-indafa, Muscat insista li l-Gvern irid li l-kunsilli jkollhom rwol ċentrali.

Għalhekk, fost oħrajn, qal li l-kunsilli lokali se jkollhom rwol ċentrali fl-iskema tar-rifużjoni għal dawk li jirriċiklaw il-fliexken tax-xorb tal-plastik.

Waqt li fakkar ukoll fl-inizjattiva tal-Gvern għat-tħawwil ta’ siġra għal kull persuna li titwieled, il-Prim Ministru qal li l-Kunsilli Lokali se jkollhom ukoll rwol biex jidentifikaw siti fejn ikunu jistgħu jiġu mħawla dawn is-siġar u jiġu amministrati bħala msaġar.

Fl-aħħarnett u fost proposti oħra, qiegħed jipproponi wkoll li l-kunsilli lokali jassiguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fuq bażi tal-ġeneru mhux biss fost l-impjegati tagħhom, iżda anke se jkunu mħeġġa jassiguraw li l-kuntratturi li jqabbdu għax-xogħlijiet ikunu jimxu mal-ħaddiema tagħhom b’mod ugwali.

Illum ukoll, il-Partit Nazzjonalista nieda l-proposti tiegħu. Agħfas hawn għal aktar dettalji.

More in Politika