Il-PN jipproponi li jsir studju dwar il-qagħda soċjali f'kull lokalità

...din hija waħda minn għadd ta' proposti li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta għal kull lokalità f'Malta u Għawdex

Illum waranofsinhar, il-Partit Nazzjonalista nieda l-programmi elettorali tiegħu għall-kunsilli lokali ta’ 68 lokalità f’Malta u Għawdex.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli spjega kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta xejn inqas minn 2,000 proposta.

Kompla jispjega kif uħud minn dawn il-proposti jgħoddu għall-kunsilli lokali tal-lokalitajiet kollha, iżda ħafna proposti oħra jindirizzaw il-lokalitajiet b’mod individwali.

“Irridu li nwasslu lill-kunsilli lokali għall-pass li jmiss,” saħaq Puli waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-kunsilli jkunu gvernijiet lokali ta’ vera u mhux tal-isem. “Ma rridux li l-kunsilli lokali jibqgħu tal-bankini u tal-bozoz biss.”

Huwa qal li dawn il-programmi elettorali se jkunu qed jitqassmu fid-djar kollha.

Puli kompla jisħaq kif apparti proġetti infrastrutturali u ta’ tisbiħ, dawn il-programmi elettorali jitkellmu fuq it-tisħiħ tal-lokalitajiet b’mod ħolisitiku u għalhekk jipproponu pjanijiet ta’ edukazzjoni, integrazzjoni, ordni pubblika u anke proposti ta' mobilità.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li flimkien ma’ Clyde Puli tkellmu fuq uħud mill-proposti li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi biex jissaħħu l-kunsill lokali.

Fost dawn, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li:

  • L-infurzar tal-gwardjani lokali jgħaddi għand il-kunsilli lokali;
  • Jiġi introdott il-kunċett tal-community policing fil-lokalitajiet;
  • Jerġa’ jkun introdott il-kunċett tat-Tourism Policing;
  • Isir social impact assessment f’kull lokalità;
  • Jissaħħu r-riżorsi umani fil-kunsilli biex joffru għajnuna soċjali
  • Ikun hemm night u day shelters fil-lokalitajiet kollha;
  • Ikun hemm aktar inizjattivi dwar il-ħajja sana fil-lokalitajiet; u
  • Ikun hemm aktar inizjattivi favur il-ħarsien tal-annimali

Iż-żewġ kelliema tal-Partit Nazzjonalista insistew fost oħrajn dwar l-importanza li jissaħħu l-finanzi tal-kunsilli lokali u għal dan il-PN qiegħed jipproponi wkoll għadd ta’ proposti.

Filwaqt li għamlu referenza għal dak li rrappurtat ilbieraħ il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li l-Gvern qabad u ħa fondi tal-kunsilli lokali, insistew li ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ jieħu l-poteri mill-kunsilli lokali, billi fost oħrajn inaqqsilhom il-finanzi.

Fi kliem Cutajar, il-Gvern qed jgħid li qed iżid il-finanzjament tal-kunsilli lokali, iżda qed joħdilhom min-naħa l-oħra u dan, fi kliem Clyde Puli, huwa sintomatiku ta’ Gvern li ma jemminx fil-Kunsilli.

Illum ukoll, il-Partit Laburista nieda l-proposti tiegħu. Agħfas hawn għal aktar dettalji.

More in Politika