Intervista | ‘Simon Busuttil, bl-għira li għandu, ried jara kif se jkisser lil Muscat’

Kien Nazzjonalist. Illum kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Cyrus Engerer. Il-mexxejja tal-UE kif iħarsu lejn Joseph Muscat? X’reputazzjoni għandu? Jekk elett, x’differenza jista’ jagħmel?

Kien Viċi Sindku tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema. Illum huwa kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Cyrus Engerer, li għal dawn l-aħħar snin serva wkoll bħala l-mibgħut tal-Prim Ministru fi Brussell.

Bdejna billi staqsejna lil Engerer dwar jekk jaħsibx li l-Laburisti se jkunu lesti jivvutaw persuna li kienet ma’ partit u qalbet ma’ partit ieħor.

Il-kandidat saħaq li huwa ġej minn familja mħallta, minn naħa Laburisti Mintoffjani u minn naħa Nazzjonalisti ta’ Gorġ Borg Olivier u Eddie Fenech Adami. Fi kliemu, dan għenu biex jaħseb, jisma’, jagħrbel u jiddeċiedi.

“Fl-aħħar mill-aħħar trid timxi mal-prinċipji tiegħek u l-prinċipji tiegħi huma xellugin ħafna. Jiena ngħożż ħafna d-drittijiet tal-bniedem u allura kien wasal iż-żmien li ma stajtx nibqa’ fil-Partit Nazzjonalista,” kompla jgħid Engerer waqt li saħaq li ħafna żgħażagħ ressqu lejn il-Partit Nazzjonalista għax bħalu, kienu jixtiequ s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

“Illum din il-kwistjoni spiċċat. Aħna membri tal-Unjoni Ewropea u ma hawn ħadd jaħseb li ma għandniex inkunu. Allura l-kwistjoni llum hija ma’ min l-aktar tħossok komdu. Bla dubju, fil-Partit Nazzjonalista qatt ma ħassejtni komdu. Fejn  tidħol l-UE iva imma fejn tidħol il-politika konservattiva tagħhom, jiena qatt ma stajt naqbel,” saħaq Engerer.

‘Kandidati tal-PN illum jiġu fuqi u jgħiduli li kelli raġun’

Kompla jisħaq li ż-żmien tah raġun għax fi kliemu biżżejjed tħares lejn l-aħħar sitt snin u tara d-drittijiet ċivili li daħħal il-Gvern Laburista, u kif saħħaħ l-aspett soċjali.

“Kull min illum iħares lura jagħti raġun lil dawk li telqu mill-Partit Nazzjonalista. Mhux se niżvela min, imma hemm kandidati tal-PN li qegħdin fl-elezzjoni tal-lum li jiġu fuqi u jgħiduli li kelli raġun fuq il-PN,” qalilna.

Fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista huwa maħkum minn “mibegħda” u “ħdura” kbira kontra min ma jaqbilx miegħu.

Fil-Partit Nazzjonalista qatt ma ħassejtni komdu. Fejn tidħol l-Unjoni Ewropea iva imma fejn tidħol il-politika konservattiva tagħhom, jiena qatt ma stajt naqbel

“Meta tkun esperjenzajthom bil-qares, bl-ebda mod ma tkun tista’ terġa’ tmur magħhom,” kompla jgħidilna waqt li spjegalna kif fi ftit jiem wara li telaq mill-Partit Nazzjonalista arrestaw lil missieru, lil ommu u fetħu kawża lilu. Fi kliemu, meta wieħed jgħarbel il-fatti, u anke l-inkjesti li saru, il-mod kif saru l-affarijiet kollox jindika li l-motivazzjonijiet kienu politiċi.

“Għamluha lili, għamluha lil ħaddieħor u għamluha lill-Prim Ministru meta attakkaw mhux biss lilu iżda anke lil martu u lil uliedu. Il-mibegħda lejn dawk li ma jaqblux magħhom hija ikbar mill-imħabba li jista’ jkollhom għall-pajjiż.”

Għall-kuntarju, insista li l-Partit Laburista huwa d-dar naturali għal nies bħalu li jemmnu fil-valuri soċjo-demokratiċi, fil-ġustizzja soċjali u li kull persuna, hi min hi, għandu jkollha l-istess spazju biex tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha.

‘Il-fatti huma ċari. Konrad Mizzi u Keith Schembri qalu l-verità’

Engerer ma ddejjaqx ibiddel il-partit meta l-affarijiet ma għoġbuhx. Allura kwistjonijiet bħalma kienu dawk tal-Panama, tal-VGH u ta’ Gaffarena ma dejquhx?

Ir-risposta tal-kandidat kienet li ma jistax jikkummenta fuq xi ħaġa meta fuqha ma hemmx fatti. Semma l-kwistjoni Egrant u insista li għax jaf lill-Prim Ministru, kien ċert li din kienet gidba u allura ma ddejjaq xejn iseffaq wiċċu fil-Parlament Ewropew, fil-Kummissjoni Ewropea, fil-Kunsill tal-Ministri, u jmur mal-Ministri Maltin iħabbat bieb bieb lill-Ewroparlamentari biex jispjegawlhom x’kienet il-verità.

Imma ma stajniex ma nistaqsuhx fuq il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi ċ-Chief of Staff Keith Schembri ma merewx il-fatt li fetħu kumpaniji fil-Panama, b’Engerer iwieġeb li dwar dan għaddejin inkjesti fil-Qorti. “Wara dak kollu li ġara fuq Egrant, aktar u aktar ma tistax taqbad u tgħid li dak li qed jingħad huwa veru,” qalilna.

Iżda bqajna nafsuh fuq il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi stess ammetta li fetaħ kumpanija fil-Panama. “Iva. Għall-iskopijiet tal-familja tiegħu. Illum ma għandix għalfejn niddubita l-intenzjonijiet tal-Ministru Mizzi jew ta’ Keith Schembri… Kieku jien ma kontx immur għal dak l-arranġament… imma għalfejn għandi niddubitahom? Hemm xi provi li juru mod ieħor? Il-blogs u Simon Busuttil qalu ħafna xorti. Imma l-fatti sa issa huma ċari u tondi, jiġifieri li dak li qalu Konrad Mizzi u Keith Schembri kien il-verità,” weġibna.

‘Ir-reputazzjoni li għandu Muscat fl-UE hija eċċezzjonali’

Cyrus Engerer kien ir-rappreżentant tal-Prim Ministru fi Brusell, għalhekk ħadd daqsu ma jista’ jgħid kif iħarsu lejn Joseph Muscat, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea. Dak li ġara fil-pajjiż, tappanlu r-reputazzjoni? Engerer wieġeb fin-negattiv. Mhux talli ma għandux ir-reputazzjoni mtappna, talli fi kliemu, l-impressjoni li hemm dwar Muscat hija “eċċezzjonali.

Saħaq kif hu attenda mal-Prim Ministru kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew. “Vera ma jħobbx idoqq it-trombi ta’ dak li jirnexxielu jwettaq fil-Kunsill Ewropew. Ngħidlek li s-27 Prim Ministru l-ieħor, b’mod unanimu, għandhom l-akbar stima lejh,” saħaq Engerer.

Insista li ħafna drabi, meta wara ħafna sigħat ta’ diskussjoni l-mexxejja jibqgħu ma jilħqux qbil, ikun il-Prim Ministru Malti li joħroġ bis-soluzzjoni u jġib lil kulħadd warajh.

Kien hawn li staqsejna lil Engerer jekk dan ifissirx li Muscat għandu t-tapit mifrux jekk tiġih opportunità ta’ kariga fl-UE. Saħansitra l-Ewroparlamentari David Casa semma din il-possibbilità meta qal li jekk ikun elett se jaħdem biex Muscat ma jieħu l-ebda kariga fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Hemm għatx għal xi ħadd bħal Joseph Muscat fl-Unjoni Ewropea

“L-uniku tir ta’ Joseph Muscat huwa li jara lil pajjiżna miexi ’l quddiem,” saħaq Engerer. “Hemm għatx għal xi ħadd bħal Joseph Muscat fl-Unjoni Ewropea. Ħafna drabi ġew fuqi rappreżentanti ta’ Prim Ministri oħra u anke MEPs li jgħiduli: sellfuna lill-Prim Ministru tagħkom ħalli anke fl-UE jkollna l-istess suċċess.”

Filwaqt li saħaq li hu jixtieq lill-Prim Ministru jiġi Malta, “jekk tiġih opportunità tajba,” ċert li jkun qed jagħmel unur mhux lilu biss imma anke lil Malta.

Metsola u Casa: ifesfsu fil-widnejn u jqassmu l-karti

Kull ċans li jkollu, Cyrus Engerer qed jirreferi għal dak li hu jsejjaħlu “tixwix” mill-Ewroparlamentari Nazzjonalisti.

Tkellimna fit-tul dwar dan, b’Engerer jisħaq li fil-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, żewġ istituzzjonijiet li huma ’l fuq mill-politika partiġġjana, Joseph Muscat għandu reputazzjoni tajba ħafna.

“Fl-uniku istituzzjoni fejn tidħol il-politika partiġġjana, fil-Parlament Ewropew, hemm tliet min-nies li jissejħu Maltin li jmorru kuljum jitkellmu kontra Malta. Jiena kuljum kont nara lil David Casa u lil Roberta Metsola jagħmlu ħsara lil pajjiżna. Kuljum ifesfsu fil-widnejn u jqassmu karti kontra pajjiżna,” kompla jisħaq.

Fi kliemu, dan kienu qed jagħmluh biex ikissru r-reputazzjoni ta’ Joseph Muscat, waqt li saħaq li s-sors ta’ kollox huwa Simon Busuttil “li jaħseb li għandu l-monopolju tal-Unjoni Ewropea.”

“Simon Busuttil, bl-għira li għandu, ried jara kif se jkisser lil Joseph Muscat. Ma rnexxilux,” kompla jinsisti Cyrus.

‘MEPs ma jifilħux jaraw kumpaniji jitilqu minn pajjiżhom biex jiġu Malta’

Iżda jibqa’ l-fatt li anke soċjalisti stess ikkritikaw lil Muscat u lill-Gvern Malti u mhux l-ewwel darba lanqas li vvutaw kontrih. Dawn mhux kollegi tiegħu? Se nwaħħlu fl-MEPs tal-PN?

Cyrus Engerer insista li l-MEPs, l-ewwel interess tagħhom, kif għandu jkun, se jkun pajjiżhom u fi kliemu, ikun hemm min ma jiħux gost li Malta, għax għandha rata ta’ taxxa kompetittiva, tattira kumpaniji li qabel kienu f’pajjiżhom.

“Sven Giegold huwa MEP tal-ħodor. Dan ra numru ta’ kumpaniji jitilqu mill-Ġermanja biex jiġu Malta. Mhux ovvja se jkun kontrina. Kif ra tliet MEPs Maltin li qed jagħmlu minn kollox kontra Malta, ingħaqad magħhom biex isaħħaħ l-argument tiegħu,” saħaq Engerer.

Iżda jekk l-MEPs Nazzjonalisti, fi kliemu, kienu suċċess fit-tixwix, l-MEPs Laburisti ma setgħux jikkonvinċu, imqar lis-soċjalisti sħabhom? Engerer saħaq li fil-plenarja ta’ Marzu, flimkien mal-MEPs Laburista, dar il-membri tal-Parlament Ewropej biex jaraw li r-reżoluzzjoni li kienet tgħid li għandu jiskatta Artiklu 7 kontra Malta tinbidel.

“Irnexxielna. Ikkonvinċejniehom,” saħaq Engerer biex jagħti eżempju. “Madanakollu, aktar faċli li tibda xniegħa u trewħilha biex tieħu bħan-nar.”

‘Fil-PE hemm bżonn persuni b’esperjenza’

Qlibna d-diskors biex nitkellmu dwar il-kandidatura tiegħu u staqsejnieh għalfejn il-votanti għandhom jagħtuh l-ewwel preferenza, bil-kandidat jagħmel enfasi kbira fuq il-fatt li fil-Parlament Ewropew hemm bżonn persuni li għandhom l-esperjenza.

Waqt li rrefera għall-ħidma tiegħu bħala l-mibgħut tal-Prim Ministru u x-xogħol li wettaq fi żmien il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, Cyrus Engerer saħaq li rnexxielu jikseb diversi kuntatti, xi ħaġa li fi kliemu, hija essenzjali għal kwalunkwe Ewroparlamentari.

“Biss biss insemmilek li fl-aħħar tal-Presidenza Maltija, ġimgħa qabel l-elezzjoni tagħna, il-Parlament Ewropew ried li jkun hemm dibattitu dwar Malta. Mill-ewwel skattajna l-kuntatti tagħna. Qbilna li dak id-dibattitu dwar il-Panama Papers u Egrant ma kienx jagħmel sens li jsir ġimgħa qabel l-elezzjoni,” qalilna biex isaħħaħ l-argument tiegħu.

Irridu naraw li koppji Maltin tal-istess sess ikunu jistgħu jgawdu mid-dritt tal-moviment ħieles… Irridu UE ta’ ugwaljanza li titratta ċ-ċittadini kollha tagħha ndaqs

U jekk ikun elett, x’se jagħmel differenti? Spjegalna kif hu jixtieq li jaħdem f’żewġ kumitati tal-Parlament Ewropew li sa issa Malta qatt ma kellha rappreżentant fihom.

L-ewwel kumitat huwa dak dwar l-Iżvilupp Reġjonali, jiġifieri dak il-kumitat li jieħu ħsieb il-fondi Ewropej. “Importanti li jkun hemm rappreżentant Malti għax ma nistgħux nibqgħu sejrin b’sitwazzjoni ta’ one-size-fits all,’ qal Engerer waqt li spjega li l-mod ta’ kif joperaw dawn il-fondi, jaġevolaw aktar lill-pajjiżi l-kbar.

L-AFCO huwa wkoll kumitat li Engerer jixtieq li jaħdem fih. Dan il-kumitat iħares lejn il-futur tal-Unjoni Ewropea. Fih jiġu diskussi t-trattati l-ġodda tal-Unjoni Ewropea u eventwalment se jkun dan il-kumitat li jiddeċiedi fejn se jmorru s-siġġijiet tal-MEPs Brittaniċi wara Brexit.

“Kelli l-unur li kont nippresiedi dan il-kumitat fi żmien il-Presidenza Maltija,” qal Engerer. “Kont ninħaraq li min-naħa tal-Kunsill konna nsemmgħu ħafna leħen il-pajjiżi żgħar, iżda mbagħad ma kellna l-ebda MEP Malti rappreżentat f’dan il-kumitat.”

Insista wkoll li jekk ikun elett, jixtieq li jibqa’ f’kuntatt kontinwament man-nies biex ikun jista’ jirrappreżentahom aħjar fi Brussell.

Imorru fejn imorru fl-UE, persuni LGBTIQ Maltin se jitilfu drittijiet

Engerer ħadem ħafna fejn jidħlu drittijiet ċivili. Illum, f’Malta, l-unjoni ċivili, iż-żwieġ bejn koppji LGBTIQ u l-addozzjoni minn koppji tal-istess sess, huma xi ħaġa normali. Xi jmiss? U jekk ikun elett kif jista’ jagħti daqqa ta’ id?

Filwaqt li saħaq li f’sitt snin Malta għamlet passi ta’ ġgant, Engerer insista li l-pajjiż fadallu ħafna xi jbiddel fejn tidħol il-mentalità, biex il-ħsieb tal-Maltin ikun jirrifletti l-bidliet leġiżlattivi li saru.

Fejn jidħlu l-liġijiet, Engerer jemmen li l-pass li jmiss huwa li f’Malta tkun introdotta l-maternità surrogata biex minnha jibbenefikaw mhux biss dawk il-koppji eterosesswali li ma jistax ikollhom tfal, iżda tneħħi d-diskriminazzjoni li fi kliemu għad fadal lejn koppji gay li jixtiequ t-tfal.

“Irridu naraw li koppji Maltin tal-istess sess ikunu jistgħu jgawdu mid-dritt tal-moviment ħieles… Irridu UE ta’ ugwaljanza li titratta ċ-ċittadini kollha tagħha ndaqs… Koppja tal-istess sess u l-persuni LGTBIQ Maltin, imorru fejn imorru fl-UE, se jitilfu mid-drittijiet tagħhom, għax aħna l-aqwa fejn jidħlu dawn id-drittijiet.”

Engerer jemmen ukoll li l-pajjiż irid jimxi ’l quddiem biex jillegalizza l-użu tal-marijuana għall-użu personali. Fi kliemu: “Jekk għandek persuna li qed jagħmel użu b’mod ikkontrollat mill-marijuana, aħjar mill-ġungla li hawn sal-lum… ejja naraw li jkollna pajjiż li jirrispetta l-għażliet ta’ kull persuna sakemm din mhux qed tweġġa’ lil ħaddieħor bl-għażliet tagħha.”

Ambjent: jeħtieġ standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni

L-ambjent, hija kwistjoni li diversi huma dawk li qed jitkellmu dwarha b’Engerer jisħaq li filwaqt li sar ħafna, fosthom il-qalba għall-gass mill-Heavy Fuel Oil fis-settur tal-enerġija, fadal ħafna xi jsir, partikolarment fejn jidħol l-ambjent urban.

“Irrid nara pajjiż fejn ikollna aktar spazji miftuħa u protetti,” insista Engerer waqt li tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ standards aktar għolja fis-settur tal-kostruzzjoni u aktar infurzar biex jonqos it-tniġġis.

Il-kaċċa: x’jista’ jagħmel Engerer jekk elett?

Finalment il-kaċċa. Il-Partit Laburista qed jisħaq li l-Partit Nazzjonalista daħak bihom. Iżda l-kaċċaturi għalfejn għandhom jivvutaw lill-Partit Laburista? Il-kaċċa fuq il-gamiem mhux issa twaqqfet u l-insib fuq l-għasafar tal-għana mhux ukoll?

“Kienet tkun faċli għall-Gvern li jiftaħ il-kaċċa għall-gamiem biex jirbaħ il-voti tal-kaċċaturi. Iżda kien ikun qed jidħak bihom għax il-Kummissjoni Ewropea kienet tieħu passi u twaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa mhux għall-gamiem iżda anke għas-summien, għal ħajjitna kollha,” wieġeb Engerer.

Mistoqsi x’soluzzjonijiet qed joffri l-Gvern u x’jista’ jagħmel hu jekk elett, Engerer fakkar li l-Gvern għaddej bin-negozjati għal derogi favur il-kaċċa.

“Huwa inaċċettabbli li fl-Awstrija jistgħu jonsbu għall-għasafar tal-għana bl-istess metodu kif kien isir f’Malta, imbagħad il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ordnat li dan jieqaf għan-nassaba Maltin,” kompla jweġibna. “Għandu jkun hemm drittijiet ugwali għall-kaċċaturi u n-nassaba tal-Unjoni Ewropea kollha. Titkellem tant fuq l-armonizzazzjoni. Dwar dan le?” temm jistaqsi Cyrus Engerer.

More in Politika