Wara tmiem il-ġimgħa ta' attakki, l-Iżrael u l-Palestina jaqblu dwar waqfien mill-ġlied

F'temp ta' 48 siegħa tilfu ħajjithom erba’ Iżraeljani u 23 Palestinjan

Is-sitwazzjoni fl-istrixxa ta’ Gaza kkalmat xi ftit wara li militanti Palestinjani laħqu ftehim ma’ Iżrael għal waqfien mill-ġlied.

Dan wara tmiem il-ġimgħa mimli ġlied u attakki fejn ġew sparati diversi missili minn militanti Palestinjani li għalihom irrispondew l-Iżraeljani.

Minn tal-inqas erba’ Iżraeljani u 23 Palestinjan tilfu ħajjithom.

Filwaqt li l-Iżrael għadha ma kkonfermatx il-waqfien mill-ġlied, il-militar daħħal fis-seħħ miżuri ta’ emerġenza biex jgħin lil dawk li jinsabu fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Il-ġlied beda nhar il-Ġimgħa li għadda waqt protesta fuq l-assedju ta’ Gaza.

Skont ir-rapporti fuq midja internazzjonali, f’temp ta’ 48 siegħa, ġew sparati xejn inqas minn 690 il-missila lejn in-nofsinhar ta’ Iżrael.

Intant, dan kollu qiegħed iseħħ fi żmien li Iżrael, partikolarment Tel Aviv qed jilqa’ eluf ta’ turisti li marru apposta biex isegwu l-Eurovision Song Contest li se jsir il-ġimgħa d-dieħla.

Hekk kif f’dawn il-jiem, l-attenzjoni se tkun fuq dan il-pajjiż, hu mistenni li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu jkompli jaħdem biex iżomm is-sitwazzjoni kalma, partikolarment bl-għajnuna tal-awtoritajiet Eġizzjani u dawk mill-Qatar li kienu strumentali biex intlaħaq dan il-qbil għall-waqfien mill-ġlied.

More in Politika