Graffitti jakkużaw lill-PM li bi kliemu qed ikun 'klassist u razzist'

Graffitti jiftħu l-kanuni kontra l-Prim Ministru wara l-argumenti tiegħu dwar il-ħaddiema barranin

Il-Moviment Graffitti akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li bl-argument tiegħu tal-bieraħ dwar ix-xogħol kien qed ikun klassista u razzista.

F’messaġġ fuq Facebook, il-Moviment Graffitti rrefera għall-kummenti tal-Prim Ministru meta waqt l-ewwel dibattitu tiegħu ma’ Adrian Delia hu qal li ma jridx li jara Maltin jiġbru ż-żibel.

“Din it-tip ta’ mentalità hija l-oppost ta’ dak li dejjem iġġieled għalih is-Soċjaliżmu. Is-Soċjaliżmu dejjem tħabat sabiex kull xogħol ikun dinjituż, kull ħaddiem jiġi stmat irrispettivament mill-oriġini tiegħu, għaliex kull xogħol u kull ħaddiem huwa meħtieġ u importanti,”saħqu Graffitti.

L-attivisti wrew it-tħassib tagħhom għal fatt li fi kliemhom dan it-tip ta’ argument qed jintuża biex jiġġustifika l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi diżastrużi li hawn f’ċertu setturi hawn Malta.

“Minflok ma l-Gvern jintervjeni biex itejjeb dawn il-kundizzjonijiet, billi pereżempju jgħolli l-paga minima, dan qed jaqdi l-interessi tan-negozji l-kbar billi jagħti l-impressjoni li l-barranin jistgħu jiġu sfruttati għaliex huma ta’ "inqas valur" mill-Maltin,” saħqet l-attivisti.

Temmew jisħqu li huwa “skifuż” li wieħed jipprova jifred lill-ħaddiema abbażi tan-nazzjonalità biex tipproteġi l-interessi tal-ftit sinjuruni li fi kliemhom qed jisfruttaw lill-ħaddiem biex iħaxxnu bwiethom.

More in Politika