'L-uniċi nies li qed jibżgħu mill-25 ta' Mejju huma dawk li ħammġu isem pajjiżna' - Muscat

Muscat isostni li mhux se jbeżża' bil-barranin u jirringrazzja lill-poplu tal-Marsa għal qalb kbira tiegħu ...

'Malta f'qalbna tfisser li għalkemm nistgħu ma naqblux f'kollox ... nemmnu li l-Maltin ta' rieda tajba jridu li fil-25 ta' Mejju jiġġudikaw u jagħżlu MEPs. L-uniċi nies li qed jibżgħu huma dawk li ħlew ġurnata wara oħra, mhux jaraw kif se jgħinu lill-pajjiż, iżda jipprovaw jħammġu isem pajjiżna." 

"Min għandu lil Malta f'qalbu jrid illi jiġġudika bejn dawn l-MEPS," qal Muscat li sostna illi lilhinn mill-partiti ħafna Maltin huma mweġġgħin bl-attitudni ta' parti mill-Partit Nazzjonalista, probabilment f'referenza għall-ħidma tal-MEPs Nazzjonalisti kurrenti. 

Muscat fakkar illi meta għalqu l-fabbriki l-gvern kellu jidħol għas-self tan-nies, tant ma kienx hawn xogħol. "Qabel kien hemm min jiġi fuqi u jgħidli biex ngħinu ħa jsib xogħol, illum mhux għax-xogħol jiġu jitolbu imma xogħilijiet aħjar." 

Muscat ammetta illi għad hawn min ma jifllaħx iħallas jew li ma jkollux biżżejjed biex jgħix sal-aħħar tax-xahar, kif ammetta wkoll li f'pajjiżna problemi għad hawn u l-poplu mhux qed jgħid li qed ngħixu f'ġenna tal-art. "Imma l-problemi l-ġodda aħna biss kapaċi nsolvuhom" sostna Muscat.

Il-Mexxej Laburista ammetta wkoll li forsi l-miżien qed ixaqleb wisq lejn l-iżvilupp u allura l-Gvern se jibda jxaqleb ukoll il-miżien lejn  l-ambjent u spazi miftuħa. Ilbieraħ fil-fatt Muscat, u anke ilejla, reġa għamel referenza għall-proġett ta' park għall-familja li se jħabbar il-Gvern dalwaqt.

'Nifhem id-dwejjaq ta' numru ta' Marsin ... imma mhux se mbeżża' bil-barranin'

Huwa rringrazzja lill-Marsin li jgħid illi tant qed jgħinu lil dawk fil-bżonn, hu x'inhu l-kulur tal-ġilda. "Nifhem id-dwejjaq, speċjalment ta' pensjonanti, li jgħidulna kif isibu persuni reqdin fit-toroq. Għalhekk tlabna li l-forzi tal-ordni jaraw illi l-affarijiet jimxu sew."

Hu qal li mhux se jbeżża bil-barranin jew juża l-barranin biex ikun popolari, "imma li ma nistax nifhem hija l-Oppożizzjoni li filli jgħidulna li mifqugħin bil-barranin u tuża kliem aktar użat mill-lemin estrem ... imma mbagħad il-Ħadd toħroġ tgħid fil-Programm Elettorali li trid tagħmel minn Malta ċentru ta' immigrazzjoni."

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika