Il-Gvern isostni li se titkompla mhux tinfetaħ inkjesta ġdida dwar il-Panama Papers

... u allura din hija daqqa ta' ħarta oħra għal Simon Busuttil, skont l-istess Gvern

Il-PM Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi
Il-PM Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi

"Dik tal-lum hija daqqa ta’ ħarta oħra għal Simon Busuttil u sħabu," sostna l-Gvern fi stqarrija wara d-deċiżjoni tal-Maġistrat Doreen Clarke li tfisser illi l-inkjesta li qed tmexxi Maġistrat ieħor fir-rigward ta' kontijiet li nfetħu fil-Panama, tista' tkompli. Simon Busuttil u Repubblika għamlu din it-talba quddiem il-Qorti, b'Busuttil u l-avukat ta' Repubblika Jason Azzopardi jiddikjaraw rebħa ftit wara d-deċiżjoni tal-Maġsitart Clarke.

Il-Gvern sostna li llum il-Maġistrat Doreen Clarke "iddisponiet’ mir-rikors instigat minn Simon Busuttil u shabu biex tinfetah inkjesta ohra."

"Il-Magistrat stqarret ‘li ma hemmx bżonn issir inkjesta oħra imma, issir nota addizjonali fl-atti tal-inkjesta diġa' mibdija’ biex ‘jiġu evitati dupliċità ta’ proċeduri’," ikompli jsostni l-Gvern.

"Għaldaqstant il-Maġistrat Doreen Clarke qalet li ma għandhiex tinfetaħ inkjesta ġdida dwar l-allegazzjonijiet li kien qed jagħmlu Simon Busuttil u sħabu, iżda minflok il-Maġistrat Charmaine Galea għandha tqis l-allegazzjonijiet fil-kuntest ta’ inkjesta li qegħda tagħmel dwar allegazzjonijiet li essenzjalment huma l-istess."

Il-Gvern ifakkar illi l-Maġsitrat Clarke iddeskriviet bħala 'overlap kbira fil-kontenut tar-rikors li ġie ppreżentat quddiemha u dak li diga' qed jigi investigat mill-MagistratCharmaine Galea f'inkjesta oħra li nfetħet fit-28 ta' Settembru li għadda.

'Il-Gvern juri disprezz lill-Qorti billi jikkwotha ħażin u jiżvijja lill-pubbliku' - Repubblika

Intant, fi stqarrija, Repubblika saħqet li hi sodisfazzjon li l-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba biex issir inkjesta dwar il-Panama Papers.l

Madanakollu saħqet li ma tistax tifhem kif fi stqarrija, il-Gvern ippreżenta din id-deċiżjoni bħala xi rebħa għal Konrad Mizzi u Keith Schembri u xi telfa għal Simon Busuttil u għal Repubblika.

"Din hi deċiżjoni prattika li ma tnaqqas xejn mir-realtà sempliċi u skomda għall-Gvern tad-deċiżjoni tal-Maġistrat Clarke: il-bieraħ Konrad Mizzi u Keith Schembri ma kinux suġġetti ta’ inkjesta kriminali. Illum huma." insistiet Repubblika. "Din hi l-ewwel darba wara tliet snin li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma fl-aħħar suġġetti għal investigazzjoni ordnata minn Maġistrat dwar korruzzjoni u ħasil ta' flus."

L-attivisti komplew jisħqu li ġaladarba skont il-Gvern din mhix deċiżjoni li tagħti raġun l-appell ta’ Repubblika u ta' Busuttil, allura għandu issa jħalliha tiġi implimentata.

"Repubblika tixtieq biss li jinżammu l-provi li Konrad Mizzi u Keith Schembri u min għenhom wettqu korruzzjoni u reati oħra marbuta mal-uffiċċju tagħhom," saħqu l-attivisti waqt li tennew l-appell, li anke jekk tliet snin tard, il-Pulizija jibdew huma wkoll l-investigazzjonijiet meħtieġa.

More in Politika