Il-Qorti tordna li l-allegazzjonijiet dwar il-Panama Papers jiġu inklużi f'inkjesta eżistenti

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Avukat Jason Azzopardi jgħidu li din hija rebħa kbira għall-ġustizzja

Il-Maġistrat Doreen Clarke llum ordnat li l-inkjesta dwar il-Panama Papers tista' tkompli u dan wara t-talba li kien għamel l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u separatament il-grupp Repubblika, biex ikun hemm inkjesta dwar il-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri kienu fetħu kumpaniji fil-Panama.

Bid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Clarke qed tisħaq li l-Maġistrat Charmaine Galea, li qed taħdem fuq l-inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black, għandha twessa' l-iskop tal-investigazzjoni tagħha biex tinkludi wkoll l-allegazzjonijiet kollha ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus li ħarġu fil-Panama Papers.

Oriġinarjament, il-Maġistrat Ian Farrugia kien qabel li għandha tinfetaħ inkjesta, iżda din id-deċiżjoni kienet appellata mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT, Malcomn Scerri, li huwa sieħeb fin-negozju ma' Schembri u Adrian Hillman, l-eks direttur maniġerjali ta’ Allied Newspaper.

F'Jannar li għadda, il-Qorti tal-appell, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, kienet iddeċidiet konta t-talba għal inkjesta dwar il-Panama Papers. Din it-talba, Busuttil kien għamilha ftit wara l-elezzjoni tal-2017.

Madanakollu, Busuttil kien reġa' għamel it-talba quddiem il-Qorti. Busuttil kien insista li dik li hu jsejħilha bħala “paraliżi istituzzjonali” kienet qed twaqqaf investigazzjoni dwar dan “l-iskandlu,” waqt li insista li dan bi ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, fosthom dawk kontra l-ħasil tal-flus.

Fir-rikors ta' 77 paġna, li Busuttil kien ippreżenta lill-Maġistrat tal-għassa, jisħaq li  hemm provi, fosthom karti u korrispondenza li nstabu f'diversi uffiċċji f'Malta, li jikxfu dettalji dwar il-kumanija Hearnville u Tillgate u li allegatament kienu qed jirċievu l-flus minn 17 Black.

Il-Ministru Mizzi kien wieġeb billi fetaħ każ Kostituzzjonali biex jisħaq li jekk il-Qorti taċċetta t-talba ta' Busuttil u ssir din l-inkjesta, jkunu qed jinkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu. Huwa kien talab li ma titteħidx deċiżjoni dwar l-inkjesta sakemm jinstema' l-każ fil-Qorti Kostituzzjonali.

Manadakollu, il-Qor dan ġie miċħud mill-Qorti, bil-Maġistrat Clarke tordna li l-materjal kollu li għandu x'jaqsam mal-Panama Papers jgħaddi f'idejn il-Maġistrat Galea biex ikun investigat.

F’kummenti lis-sit illum.com.mt, l-Avukat ta’ Repubblika Jason Azzopardi, sostna li din hija rebħa kbira u li issa “Konrad Mizzi, la se jkun hemm inkjesta dwaru huwa, skont il-liġi, persuna suspettata.”

Fuq filmat fuq Twitter, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Bussuttil saħaq li dan huwa pass favur il-ġustizzja u li jfisser ukoll li "pajjiżna qed jitmexxa min-nies li jinsabu taħt investigazzjoni kriminali mill-Qorti."

Saħaq li kieku l-Prim Ministru kien serju kien jordna inkjesta hu u mhux jagħmillu kull tip ta' ostaklu, biex fi kliem Busuttil, il-ġustizzja ma ssirx.

More in Politika