'L-armata hija vittma tal-ferneżija li għandu l-Gvern biex jaħtaf l-istituzzjonijiet'

Beppe Fenech Adami saħaq li l-pajjiż tilef fost l-aqwa elementi li kellhom il-Forzi Armati ta’ Malta minħabba l-aġir tal-Gvern

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami saħaq li minħabba dawk li sejħilhom “promozzjonijiet oxxeni,” il-pajjiż tilef fost l-aqwa elementi li kellhom il-Forzi Armati ta’ Malta.

Fenech Adami qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u li matulha tkellem dwar ir-rapport tal-Ombudsman fuq il-promozzjonijiet fl-armata.

Fi kliem id-Deputat Nazzjonalista, il-promozzjonijiet fl-armata ftit wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, kienu maħduma apposta biex il-Gvern jaħtaf istituzzjoni oħra importanti taħt il-kontroll tiegħu.

Fost oħrajn, Fenech Adami fakkar kif żewġ persuni viċin il-Prim Ministru Joseph Muscat ingħataw erba’ promozzjonijiet f’erba’ xhur biex laħqu Kap Kmandant u Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

“Il-Partit Nazzjonalista kien tkellem kontra din l-inġustizzja li aġevolat persuni li ma kellhomx il-kwalifiċi,” saħaq Fenech Adami.

Huwa kkwota mir-rapport tal-Ombudsman u qal kif dan kien kundanna iswed fuq l-abjad tal-proċess tal-promozzjonijiet “maħdum bizzilla,” biex jilħqu dawk li l-Gvern kellu f’moħħu.

“Minn dan batit l-armata. Kien hemm l-aqwa element fl-armata li pajjiżna tilef. Konsegwenza tal-promozzjonijiet oxxeni, hemm numru ta’ persuni li għadhom qed ibatu inġustizzji anke finanzjarji,” saħaq Beppe Fenech Adami.

Kompla jisħaq li konsegwenza ta’ dan, fl-armata llum hemm nies li mhumiex motivati u li jħossu li fl-armata ma tiħux dak li ħaqqek imma tieħu biss skont kemm taf nies.

“L-armata hija vittma tal-ferneżija li għandu l-Gvern biex jaħtaf l-istituzzjonijiet,” saħaq Fenech Adami.

Temm jisħaq li fil-pajjiż jeżisti l-Partit Nazzjonalista li fi kliemu qiegħed hawn biex jiddefendi lil min qiegħed ibatu l-inġustizzja.

'Dan ir-rapport juri kemm hi importanti l-proposta tal-PN' - Dione Borg

Matul il-konferenza, tkellem ukoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Dione Borg, li insista kif ir-rapport tal-Ombudsman huwa prova ta’ kemm hija importanti l-proposta tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li aktar ħatriet f’istituzzjonijiet importanti jsiru wara qbil ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

“Il-Gvern għadu ma ħax passi,” saħaq Dione waqt li staqsa għalfejn qed jibqa’ jirrifjuta li ħatriet importanti, fosthom anke dik tal-Kummissarju tal-Pulizija, isiru wara li jkun intlaħaq qbil fil-Parlament.

'Fenech Adami għandu ħafna x’jispjega lill-Membri tal-Korpi Dixxiplinati' - PL

Intant, fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li huwa ironiku kif Fenech Adami indirizza konferenza tal-aħbarijiet biex jattakka promozzjonijiet li saru fl-Armata sitt snin ilu. 

"Kien ikun aħjar kieku Beppe Fenech Adami skuża ruħu talli ma daħħalx id-dritt ta’ sħubija f’Unions lill-korpi dixxiplinati kollha meta kien  Ministru tal-Intern," fakkar il-Partit Laburista waqt li akkużah li meta kien Ministru tal-Intern, ma ħallasx l-over-time dovut lill-pulizija.

"Kien ikun aħjar li kieku Beppe Fenech Adami jispjega x’għamel hu meta kien responsabbli mill-Armata u kellu akkumulati 288 ilment fuq promozzjonijiet," saħaq il-Partit Laburista.

Fakkar li b’rabta mar-rapport tal-Ombudsman, il-Ministeru tal-Intern diġa ta reazzjoni li kienet inkluża fir-rapport innifsu u qed janalizza l-kontenut tar-rapport.

"Li żgur ma jagħmilx il-Gvern hu li jattakka l-istituzzjonijiet, inkluż lill-istess Uffiċċju tal-Ombudsman li lura fl-2003 kien qal ċar u tond li s-sistema ta’ promozzjonijiet taħt il-Partit Nazzjonalista ma kinitx ġusta u tagħti lok għal nuqqas ta fiduċja fl-Armata. Dakinhar l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien qal li l-Ombudsman mhuwiex ġust arroganti u politiku," temm jisħaq il-Partit Laburista.

More in Politika