Inċident Gwardamangia | 'Ma nistgħux nikkaraterizzaw is-settur tal-kostruzzjoni'

Il-Prim Ministru jisħaq li minn informazzjoni li għandu diġà jista’ jkun hemm xi indikazzjonijiet 

Wara l-inċident tal-bieraħ fi Gwardamangia, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wieħed ma jistax jaqbad inċident wieħed u jiġġeneralizza dwar is-settur tal-kostruzzjoni.

F’kummenti lil midja dwar dan l-inċident, wara li lbieraħ filgħaxija blokka ta’ appartamenti waqgħet u spiċċat fix-xejn, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella biex qabel wieħed jasal għal konklużjonijiet jistenna l-eżitu tal-investigazzjoni u tal-inkjesa Maġisterjali.

Huwa saħaq li minn informazzjoni li għandu diġà jista’ jkun hemm xi indikazzjonijiet iżda insista li ma jaħsibx li għandu jkun hu li joħroġ din l-informazzjoni waqt li tenna li wieħed għandu jistenna li tintemm l-investigazzjoni.

“Ma hemmx sit ta’ kostruzzjoni wieħed u sar inċident wieħed. Hemm ħafna siti u ġraw inċident…li qed ngħid huwa li ma nistgħux nikkaraterizzaw is-settur tal-kostruzzjoni,” saħaq il-Prim Ministru

Tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar spezzjonijiet fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni.

“Mhux qed ngħid li sar hekk…imma l-affarijiet ma għandhomx isiru fuq il-karta biss. Jekk hemm bżonn, ikun hemm aktar aċċertamenti fuq il-post,” saħaq il-Muscat.

Spjega wkoll kif immedjatament daħlet l-Awtorità tal-Ippjanar biex jekk hemm sitwazzjoni ta’ emerġenza, tara kif tista’ tgħin lil dawn ir-residenti li spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Qal ukoll li mill-informazzjoni li għandu, l-Uffiċċju dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Bini ma kellu l-ebda rapport dwar dan is-sit ta’ kostruzzjoni.

“Mhux qed ngħid li r-residenti ma kellhomx raġun,” saħaq il-Prim Ministru, waqt li spjega li għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għall-konklużjonijiet.

Li hu żgur hu li mhux se nħallu sitwazzjoni fejn għandha tintrefa responsabbililità u din ma tintrefax,” temm jgħid il-Prim Ministru.

'Il-kuntrattur tal-binja kien issottometta d-dokumenti kollha meħtieġa' 

Intant, fi stqarrija konġunta mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, mill-Ministeru għall-Infrastruttura u mill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali, intqal kif il-Gvern qed jiġbor informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kollha dwar l-inċident

Il-Ministeri saħqu li mill-informazzjoni li qed tasal, skont il-Building Regulations Office il-kuntrattur tal-binja li kienet għadha qed tinbena biswit il-binja li ġġarrfet kien issottometta d-dokumenti kollha meħtieġa skont il-liġi. 

Ikkonfermaw li l-Awtorità tad-Djar qed tiġbor l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-familji u qiegħda fuq il-post tal-inċident fl-immedjat.

Il-Housing Authority se toffri akkomodazzjoni alternattiva f’każ li jkun hemm bżonn u uffiċjali mill-BRO qegħdin ukoll jassessjaw il-post minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

More in Politika