Battibekk fi grupp tal-PN dwar l-istrateġija li se jaddotta għall-kampanja elettorali

L-ILLUM tiżvela messaġġ li Puli bagħat lil esponenti tal-PN biex jiddefendi l-billboards u l-istrateġija ... esponenti jisħqu li n-nies ma jridux negattività

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-billboards li l-Partit Nazzjonalista tella' fit-toroq tard ilbieraħ filgħaxija ma niżlux tajjeb ma' kulħadd tant li s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kellu jibgħat messaġġ lil diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista biex ma jkunux negattivi dwar il-partit tagħhom stess u biex jiddefendi l-istrateġija li se jaddotta l-partit.

Din il-gazzetta kisbet kopja ta' messaġġ li Clyde Puli bagħat fuq grupp privat fuq Facebook li jinkludi diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista biex jiddefendi l-fatt li fost dawn il-billboards, hemm uħud li jitkellmu dwar il-korruzzjoni.

Madanakollu, dlonk weġbitu Ingrid Brownrigg li baqgħet tmerih u qaltlu li ma taqbilx assolutament ma' din l-istrateġija. "Mhux se nattiraw nies lejna jekk nibqgħu neqirdu," saħqet Brownrigg, l-istess kif ikkummentaw diversi persuni oħra li insistew ma' Puli li ma jaqblux ma' din "il-kantaliena."

'Għaliex daqshekk faċli nkunu negattivi u pessimisti fuq il-partit tagħna stess?'

Fil-messaġġ tiegħu, Clyde Puli fakkar lil dawn l-esponenti li minkejja "d-diffikultajiet" li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista, fosthom minħabba "n-nuqqas ta' nies u ta' finanzi," ttellgħu t-tliet billboards li fi kliemu huma fattwali.

"Mhux se nikkritikaw il-korruzzjoni biss, imma anke dwar l-għoli tal-ħajja u l-pensjonijiet," kiteb Puli. "Imma se nikkrikaw għax aħna qegħdin fl-Oppożizzjoni u dik parti minn xogħlna.

Kien hawn li Puli fakkar kemm il-Partit Laburista kien tkellem dwar l-iskandlu taż-żejt u l-kwistjoni tal-Arriva. "Is-supporters tagħhom ma qalulhomx negattivi. Iżda komplew iwaslu l-messaġġ u ma belgħux il-propaganda tal-partit ta' kontrihom," kiteb Puli.

Hawnhekk Puli saħaq li ma jistax jifhem kif ikun hemm min isibha faċli biex mill-ewwel jibda jikkundanna u jikkritika lill-partit tiegħu stess.

"Issa x'ħin jibdew jagħjru lill-MEPs tagħna li tkellmu fuq il-korruzzjoni fi Brussell, x'se nagħmlu aħna? Se ningħaqdu mal-Labour ngħidu lill-MEPs tagħna ma jitgħallmu qatt? Jew se nfakkruhom li Joseph Muscat u sħabu bħala MEPs ippruvaw iwaqqfu l-fondi Ewropej għar-riċiklaġġ? X'se nagħmlu? Għaliex daqshekk faċli nkunu negattivi u pessimisti fuq il-partit tagħna stess?" staqsa Puli.

Filwaqt li insista li l-PN mhux se jerġa' jagħmel l-iżball li jitkellem fuq korruzzjoni biss, saħaq li ma jistax jinjoraha għal kollox.

"Kif juru s-surveys xorta hemm numru li jħossu li l-korruzzjoni għadha issue importanti ħafna u allura jridu lil min jirrappreżentahom," saħaq Puli.

"Misleading, non educational u just annoying,"... Brownrigg twieġeb lil Puli

Madanakollu, f'messaġġ li mill-ewwel kiseb il-likes ta' ħames persuni oħra fil-grupp, Ingrid Brownrigg insistiet li l-poplu "xeba u ż-żgħażagħ ma jridux jisimgħu negattività."

Insistiet ma' Puli li din l-elezzjoni mhux se tbiddel il-Gvern u l-kampanja għandha titkellem aktar fuq temi Ewropej u kif dawn jistgħu jaffettwaw lill-poplu.

Fakkritu li l-korruzzjoni mhux Malta biss teżisti u li l-Unjoni Ewropea ma tista' tagħmel xejn għax ma għandhiex poteri tintervjeni fl-amministrazzjoni nazzjonali.

Kien għalhekk li ddeskriviet il-billboards u l-istrateġija bħala: "misleading, non-educational u just annoying." 

"I miss our old PN," temmet tgħidlu Brownrigg.

More in Politika