Il-fundatur ta' Lifeline jinsisti li ma hemm xejn ħażin fir-reġistrazzjoni tal-bastiment

Axel Steier jinsisti li l-bastiment huwa rreġistrat tajjeb bħala bastiment għar-rikreazzjoni għax huma jsalvaw il-ħajjiet fil-ħin liberu tagħhom

Il-fundatur tal-missjoni Lifeline, Axel Steier, qal fil-Qorti li s-salvataġġ tal-ħajjiet jagħmel unur lilu u lill-attivisti kollha u dan hekk kif kompla jinstema' l-każ kontra l-kaptan Claus Peter Reisch.

Steier spjega fid-dettall kif il-bastiment MV Lifeline kien inxtara mill-NGO Sea Watch fl-2017 u kif kienu konformi mar-regolamenti kollha li jirrigwardjaw il-liċenzjar u anke tagħmir ieħor li bastiment ikollu bżonn fosthom ir-radju.

Il-fundatur kien mistoqsi kif il-bastiment kien irreġistrat bħala bastiment għar-rikreazzjoni. Huwa wieġeb li ma kien hemm xejn ħażin fir-reġistrazzjoni għax huma jwettqu s-salvataġġ tal-immigranti fil-ħin liberu tagħhom u mingħajr ma jitħallsu għal xogħolhom.

Kien hawn li insista li huwa unur għalihom li jsalvaw il-ħajjiet.

Fil-Qorti huwa wera wkoll iċ-ċertifikat il-ġdid tar-reġistrazzjoni li ngħata meta nxtara l-bastiment, liema ċertifikat, li nħareġ mill-awtoritajiet Olandiżi ma jindikax li fil-fatt dan il-bastiment huwa rreġistrat fil-pajjiż

Id-deċiżjoni dwar dan il-każ se tittieħed fl-14 ta' Mejju.

More in Politika