Il-PM jisħaq li l-metro f'Malta tista' ssir biss jekk tiżdied il-popolazzjoni jew it-taxxa

Joseph Muscat saħaq li bil-popolazzjoni preżenti l-metro ma tkunx sostenibbli

Sistema ta’ metro f’Malta tista’ tkun fattibbli biss jekk il-popolazzjoni tal-pajjiż tibqa’ tikber u jekk jiżdiedu t-taxxi. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed ikun intervistat mill-ekonomista Stefano Mallia waqt konferenza dwar l-istat tal-ekonomija f’Malta organizzata mill-Kamra Maltija għall-kummerċ.

Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Mnistru Joseph Muscat qal li d-deċiżjoni dwar jekk il-metro għandhiex tinbena hija marbuta direttament mal-futur tal-pajjiż. Fi kliemu, proġett simili mhux possibbli bil-popolazzjoni preżenti li għandu l-pajjiż.

Huwa qal li l-Gvern ilu għal dawn l-aħħar sentejn jeżamina l-possibbità ta’ metro serjament u fi kliemu kkummissjona wkoll rapport li sab li mhuwiex possiblli li jkollna sistema ta’ metro taħt l-art madwar il-pajjiż kollha.

Fi kliemu, kieku l-metro kellha ssir din ma tistax issir kollha kemm hi taħt l-art u biex il-proġett ikun konkluż irid madwar 25 sena.

Mistoqsi dwar il-prezz, Muscat qal li dan mhuwiex iż-żmien opportun biex wieħed jitkellem dwar kemm jiswa proġett simili iżda qal biss li jista’ jkun wieħed sostanzjali f’termini ta’ proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiż.

“Dan ma jfissirx li l-proġett ma għandux isir,” qal il-Prim Ministru waqt li saħaq li bil-livell preżenti tal-popolazzjoni, sistema ta’ trasport tal-massa tkun sostenibbli biss fiż-żona ta’ Tas-Sliema, xi ħaġa li fi kliemu ma tagħmilx sens.

Kompla jisħaq li ma jagħmilx sens li jkun hawn min ma jridx aktar tkabbir ekonomiku u żieda fil-popolazzjoni, iżda fl-istess ħin ikun favur metro.

“Mingħajr żieda fil-popolazzjoni, il-metro tista’ ssir biss jekk jiżdiedu t-taxxi għax l-ebda operatur ma jkun jista’ jopera s-servizz bi profitt. Għalhekk, irridu jew tkabbir ekonomiku jew inkella aktar taxxi,” saħaq Muscat.

Fl-aħħar ġimgħat, wara li l-Perit Konrad Xuereb ħareġ bi proposta għal metro li tkun estiża wkoll għal Għawdex permezz tal-mina, il-Prim Minstru diġà kien saħaq li metro f’Għawdex tista’ ssir biss jekk ikun żieda fil-popolazzjoni Għawdxija.

Aqra aktar:

More in Politika