'F’temp ta’ ħames snin jista’ jkollna l-ewwel sistema ta’ metro f’Malta'

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Konrad Xuereb, il-moħħ wara l-idea li tkun żviluppata sistema ta’ metro li mhux biss tgħaqqad lill-gżejjer iżda li tindirizza l-problema tat-trasport u t-traffiku f’Malta.

Il-preparamenti għat-tħaffir ta’ mina bejn Malta u Għawdex għaddejjin ġmielhom hekk kif minn hawn u ftit tax-xhur oħra se tkun qed toħroġ sejħa internazzjonali għall-kuntratturi li se jħaffru, jibnu u joperaw il-mina. Iżda fl-aħħar jiem, ħarġet il-proposta li din il-mina ma ssirx f’iżolament, iżda tkun parti minn sistema nazzjonali ta’ trasport tal-massa.

Din is-sistema niżlet tajjeb ma’ bosta u kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-perit u l-inġinier strutturali Dr Konrad Xuereb li kien il-moħħ wara din il-proposta u li spjega kif f’temp ta’ ħames snin, l-ewwel fażi tal-proġett li qed jipproponi, tista’ tkun lesta.

Dwar din il-proposta, il-gazzetta ILLUM imxiet pass pass mal-Perit Xuereb, li huwa l-fundatur tal-kumpanija KonceptX u li fl-aħħar 19-il sena ħadem fuq proġetti internazzjonali kbar, inkluż fuq bini ta’ pontijiet pedonali f’diversi bliet Ewropej u anke kien involut fuq sistemi ta’ metro f’Londra.

X’qed jipproponu eżatt?

Il-Perit Konrad Xuereb beda billi spjega li huwa ċar li Malta għandha bżonn soluzzjoni olistika għat-trasport u l-isfida tat-traffiku u din is-soluzzjoni tista’ tkun biss sistema ta’ trasport tal-massa.

Għalhekk, KonceptX qed tipproponi l-iżvilupp ta’ sistema ta’ metro taħt l-art li taqdi l-akbar ammont ta’ nies, bl-inqas distanza possibbli, liema sistema tkun estiża wkoll għal Għawdex.

Għalhekk fi kliem Xuereb, mhux biss tkun qed issir ħolqa permanenti bejn il-gżejjer iżda l-problema aktar wiesgħa tat-traffiku, tkun qed tinbidel f’opportunità.

Allura l-mina għall-karozzi ma ssirx?

“Nemmen li l-konnessjoni li għandu jkun hemm għal Għawdex għandha tkun estensjoni ta’ sistema ta’ trasport tal-massa li hawn bżonnha f’Malta wkoll,” insista Xuereb.

Dan ifisser li flok mina għall-karozzi, kif qed ikun ippjanat li jsir bħalissa, Konrad Xuereb jemmen li jkun aħjar jekk din il-mina tkun parti minn sistema nazzjonali ta’ metro.

“B’hekk xi ħadd li qiegħed ir-Rabat Għawdex, kull ħames minuti jkun jista’ jaqbad metro u f’temp ta’ kważi nofsiegħa jkun l-ajruport, il-Belt, Mater Dei, Tas-Sliema jew kwalunkwe lokalità oħra minn fejn tkun tgħaddi l-metro,” spjega l-Perit. “L-istess lura. Tispiċċa x-xogħol jew l-Università u fl-inqas ħin possibbli tkun id-dar, kemm jekk Malti u anke jekk Għawdxi.”

Kieku jkollha ssir, kemm jieħu vjaġġ minn Għawdex għall-ajruport?

Il-Perit Xuereb jemmen li jekk Malta jkollha din is-sistema ta’ metro li qiegħed jipproponi, f’temp ta’ 30 jew 35 minuta, persuna tkun tista’ tinżel minn Għawdex sal-Università jew l-ajruport.

“Immaġina turist li jasal l-ajruport u f’temp ta’ nofs siegħa qiegħed Marsalforn,” spjega l-Perit. “Jew immaġina wasalt tard u taf li billejl hemm vapur kull siegħa. Bil-metro, kull ħames minuti titlaq lejn Għawdex, kemm jekk hux bnazzi jew maltemp.”

It-tliet rotot proposti u l-fażijiet tal-proġett
It-tliet rotot proposti u l-fażijiet tal-proġett

Kif qed jipproponu li tkun qed taħdem din il-metro?

Biex tilħaq l-akbar ammont ta’ nies, Konrad Xuereb u l-kumpanija tiegħu qed jipproponu li din is-sistema tkun maqsuma fi tliet rotot:

L-ewwel rotta (ara l-linja l-ħamra fuq il-mappa) tibda mill-Mellieħa u tgħaddi minn San Pawl il-Baħar, Buġibba/Qawra, Pembroke/Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, il-Belt, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Birżebbuġa, l-ajruport u viċi versa.

It-tieni rotta (ara l-linja l-blu fuq il-mappa) tibda mill-ajruport, lejn Ħal Qormi, Birkirkara, Ħal Lija, il-Mosta, Buġibba u viċi versa.

It-tielet rotta (ara l-linja l-griża fuq il-mappa), tkun tibda mill-Mellieħa u tibqa’ għaddejja lejn ix-Xewkija, ir-Rabat, Marsalforn u viċi versa.

It-tliet rotot jkunu magħquda flimkien b’linja minn Għadex sal-ajruport tgħaddi mill-inħawi tal-Università u Mater Dei u l-oħra mill-Imrieħel. Ovvjament persuna taqbad il-metro skont id-destinazzjoni tagħha.

Għalfejn qed jipproponu metro li tgħaddi minn dawn l-inħawi?

Kif spjega qabel, Xuereb qal li din is-sistema, biex vera ttaffi mill-piż tat-trasport, għandha taqdi l-akbar ammont ta’ nies bl-inqas tul possibbli. Fakkar li kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni ta’ Malta tgħix fl-inħawi minn fejn qed jipproponi li tgħaddi din il-metro.

Iżda mhux biss, f’dawn il-lokalitajiet hemm l-akbar konċentrazzjoni ta’ xogħlijiet, partikolarment fl-inħawi tal-Belt, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Mosta, Birkirkara u oħrajn u anke ż-żoni turistiċi, bħal San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u ż-żona tal-portijiet.

U din il-metro se tkun kollha kemm hi taħt l-art?

Is-sistema ta’ metro li qed tipproponi l-kumpanija KonceptX hija kollha kemm hi taħt l-art.

Fi kliem il-Perit Xuereb, sistema ta’ metro taħt l-art għandha benefiċċji kbar, kemm dawk ambjentali u anke għax l-impatt viżiv huwa minimu.

Imma l-ġeoloġija tal-pajjiż tippermetti?

Raġuni oħrajn għalfejn dawn l-inġiniera qed jipproponu li l-metro ssir fl-inħawi msemmija hawn fuq, huwa l-fatt li l-ġeoloġija ta’ din in-naħa ta’ Malta tagħmilha ħafna aktar faċli biex wieħed iħaffer mina taħt l-art.

Hawnhekk semma l-proġett ta’ Crossrail metro f’Londra, li hu kien involut fih.

Il-Perit Xuereb spjega li dawn il-mini ta’ metro f’Londra għaddejjin mit-tafal  (Londay Clay) u tip ta’ ramel (Thanet Sands) u minn blat ieħor fraġli, tant li qabel beda t-tħaffir kellhom isiru studji kbar biex ikun żgurat li ma jħossx il-bini u ma ssir l-ebda ħsara lit-toroq. Fil-fatt, qabel, kellhom isiru xogħlijiet oħra biex tissaħħaħ l-art li minn taħtha għaddejjin il-mini tal-metro.

Fi kliemu, fil-biċċa l-kbira tar-rotta li qed jipproponu, il-blat huwa b’saħħtu ħafna u għalhekk dan jagħmilha relattivament ħafna aktar faċli biex isir it-tħaffir għall-metro.

Aktar minn hekk, il-Perit Xuereb spjega li peress li l-mina li qed jipproponi se tkun qed titħaffer madwar 25 metru taħt l-art, ma hemmx periklu li jkunu minsusa xi fdalijiet arkeoloġiċi li forsi għadhom ma nstabux. “Xorta waħda għandhom isiru l-istudji kollha neċċessarji, qabel ir-rotta tkun finalizzata” insista Xuereb.

Il-Perit u l-Inġinier Konrad Xuereb
Il-Perit u l-Inġinier Konrad Xuereb

Iżda jekk din il-proposta ssir, se jkun hemm bidliet għall-mina proposta bejn il-gżejjer?

Il-Perit Xuereb qal li apparti bidliet żgħar, jekk din il-proposta tintlaqa’, il-mina bejn Malta u Għawdex xorta waħda ma hemmx għalfejn tkun ħafna aktar wiesgħa minn żewġ karreġġjati.

“Ġeneralment ikollok jew mina kbira waħda li tmur f’żewġ direzzjonijiet, jew żewġ mini biswit xulxin,” spjega l-inġinier. “Bħala daqs, id-differenza bejn li jkollok żewġ mini għal metro jew żewġ mini għall-karozzi, mhux se tkun daqshekk differenti.”

Fil-fatt, il-Perit insista li kieku jkollha ssir din is-sistema, l-istudji li saru sa issa għall-mina bejn Malta u Għawdex, jibqgħu rilevanti.

Kemm jiswa proġett bħal dan? Malta tiflaħ għalih?

Anke jekk il-proposta ta’ KonceptX għadha fl-ewwel stadji tagħha, Xuereb qal li bejn wieħed u ieħor dan il-proġett jiġi jiswa lill-pajjiż madwar €3 u €4 biljun.

“Hija somma kbira, iżda meta wieħed jagħmel investimenti kapitali f’sistema ta’ trasport tal-massa, tipikament, għal kull €1 miljun li jonfoq, il-Gvern idaħħal €2 miljun jekk mhux aktar,” spjega Xuereb.

Apparti minn hekk hemm dħul ieħor marbut mhux biss mas-sistema tal-biljetti, iżda anke mar-reklamar abbord dawn il-metros biex ma nsemmux in-negozju li jista’ jkun hemm fl-istazzjonijiet.

Żewġ mini mill-proġett Crossrail f’Londra
Żewġ mini mill-proġett Crossrail f’Londra

Apparti l-flus, x’benefiċċji jista’ jkollha din is-sistema ta’ trasport?

Beda billi spjega li jekk se jintużaw inqas karozzi, l-arja se tkun aktar nadifa u dan ifisser mhux biss inqas mard, iżda jfisser ukoll li l-ispiża tal-Gvern biex jindirizza dawn il-kundizzjonijiet ta’ saħħa se tonqos.

“Ma ninsewx lanqas l-effiċjenza,” saħaq Konrad Xuereb. “Jekk illum iddum siegħa fit-traffiku, bil-metro f’nofs siegħa se tasal. Dan inaqqas il-ħela ta’ ħin. Flok tagħmel nofsiegħa fit-traffiku, se tagħmel nofs siegħa taqra ktieb jew taħdem. Hemm benefiċċji marbuta mas-saħħa, mal-flus, mal-ħin, mal-ambjent u ħafna aktar.”

Kien hawn li l-Perit insista li Malta għandha bżonn soluzzjonijiet li jħarsu fit-tul. Innota li f’Mata digà bdiet tinbidel il-mentalità, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li qed jagħrfu li l-importanza li nibżgħu għall-ambjent.

“Jekk ma nibdewx issa, meta se nibdew?” staqsa Xuereb. “Malli jkun hemm sistema li taħdem, il-bidla fil-mentalità se ssir.”

Kemm jikkalkulaw li jonqsu karozzi jekk tkun introdotta din is-sistema?

Il-Perit jikkalkula li fuq perjodu ta’ snin, anke jekk wieħed iħares lejn x’ġara f’pajjiżi oħra, l-ammont ta’ vjaġġi bil-karozzi jista’ jonqos kważi bin-nofs.

“Jiena nkun ħafna Londra. Lanqas tgħaddili minn rasi li fost il-ġimgħa nuża l-karozza. Tiġini ħafna aktar għolja,” saħaq Xuereb. “Vera li se jkollok timxi xi ftit sal-istazzjon, imma jaqbillek aktar, mhux biss għall-but imma anke għal saħħtek u tasal malajr.”

Kieku jkollha ssir din is-sistema, kemm iddum biex tkun kompluta?

L-inġiniera qed jipproponu li din is-sistema tkun implimentata fi tliet fażijiet.

Konrad Xuereb qal li huma tal-opinjoni li l-ewwel fażi għandha tkun ir-rotta li tgħaqqad il-Mellieħa mal-ajruport, anke għax din hija l-akbar u l-aktar waħda li se tilħaq nies.

Anke jekk huma qed jipproponu li wara l-ewwel rotta, issir dik li tgħaqqad lill-ajruport ma’ San Pawl il-Baħar/Buġibba u wara ssir it-tielet rotta lejn Għawdex, Xuereb qal li fil-verità, wara l-ewwel linja, tkun tista’ ssir mill-ewwel il-mina li tgħaqqad il-gżejjer.

‘Il-ġeoloġija ta’ Malta tagħmilha faċli li jkollna sistema ta’ metro taħt l-art’
‘Il-ġeoloġija ta’ Malta tagħmilha faċli li jkollna sistema ta’ metro taħt l-art’

“Kieku, biex nagħtu eżempju biss, ix-xogħol kellu jibda din is-sena, l-ewwel linja tkun lesta fi żmien ħames snin u t-tieni fażi fi żmien sentejn oħra, jiġifieri seba’ snin. It-tielet fażi, li tiffoka fuq Għawdex, tkun lesta fi żmien tliet snin, ”spjega Xuereb.

Mill-ġdid semma l-eżempju ta’ Crossrail, li r-rotta tagħha hija twila 118-il kilometru u tinkludi d-doppju tal-istazzjonijiet proposti għal Malta. Dan il-proġett beda fl-2009 u din is-sena se jkun lest.

“F’għaxar snin u f’kundizzjonijiet ta’ tħaffir ferm aktar diffiċli minn dawk ta’ Malta u minkejja li sabu diversi ostakli, dan il-proġett tlesta fi żmien pjuttost qasir,” saħaq il-Perit.

Kemm jiġġenera terrapien proġett bħal dan?

Xuereb qal li jekk wieħed jieħu r-rotta kollha proposta u magħhom l-istazzjonijiet, ikun qed jitkellem madwar 4 miljun metru kwadru ta’ art.

Lura għal Crossrail, il-Perit qal li tliet miljun tunnellata ta’ terrapien intużaw għar-reklamazzjoni ta’ art li fuqha saret riserva naturali protetta u jemmen li l-istess jista’ jsir f’Malta. “Ovvjament iridu jsiru l-istudji ambjentali u marittimi kollha,” saħaq Xuereb.

“Dan it-terrapien jista’ jintuża wkoll biex jinħoloq wind jew solar farm fuq il-baħar u jkun proġett li jagħmel lil Malta aktar sostenibbli,” kompla Xuereb.

Hawn semma proġetti simili, bħal London Array, li jinkludi 175 turbina li jiġġeneraw biżżejjed enerġija għal 750,000 dar u jnaqqas l-emissjonijiet tal-CO2 b’900,000 tunnellata. “Dan huwa ekwivalenti għal 300,000 karozza,” spjega l-Inġinier.

U din il-proposta ressquha quddiem il-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati?

Xuereb qal li f’dan l-istadju, l-objettiv tal-artiklu kien li jqanqal diskussjoni mal-pubbliku qabel ma tiġi ppreżentata lill-Gvern.

Filwaqt li qal li huwa sodisfatt ħafna bir-reazzjoni tan-nies, spjega li s-sabiħ ta’ din il-proposta huwa li mhux qed tarmi dak li sar sa issa, anzi qed tkompli tibni fuqu.

“Il-mina bejn il-gżejjer trid tindirizza l-problema tal-Għawdxin. Aħna ħriġna din il-proposta għax nemmnu li flok insolvu problema waħda f’iżolament, is-soluzzjoni għandha tindirizza l-problema aktar wiesgħa tat-trasport f’Malta. Hija proposta studjata, li qed tħares fit-tul u li magħha se ġġib biss benefiċċji,” temm jgħid il-Perit Xuereb.

More in Politika