L-Air Malta tagħmel l-ewwel profitt ta' €1.2 miljun wara 18-il sena

Il-Ministru Konrad Mizzi jgħid illi dan huwa 'kapitlu storiku' fl-istorja tal-avjazzjoni

Il-Ministru Konrad Mizzi, mdawwwar bit-tmexxija tal-Airmalta
Il-Ministru Konrad Mizzi, mdawwwar bit-tmexxija tal-Airmalta

Il-Ministru Konrad Mizzi għadu kemm ħabbar illi l-Air Malta għamlet profitt ta' €1.2 miljun, l-ewwel profitt fi 18-il sena. 

Fid-diskors tiegħu Mizzi qal li dan l-irkuprar tal-Air Malta ġie rikonoxxut, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Huwa qal, li dan huwa kapitlu storiku fl-istorja tal-avjazzjoni u l-istorja ta' pajjiżna

Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Air Malta filwaqt li żied jgħid kif, "is-suċċess huwa dovut għall-ħaddiema kollha tal-Air Malta. Malta hija nieqsa minn kull forma ta riżorsa naturali. L-unika riżorsa li għandna huma l-ħaddiema tagħna li dejjem wasslu lil pajjiż biex jagħmel suċċessi kbar," sostna. 

Iċ-Chairperson tal-Air Malta Charles Mangion, qal li, "diġà ħsadna ftit minn dak li żrajna però hemm ħafna iktar xi jrid isir." Mangion qal li sabiex l-istrateġija tal-Air Malta tibqa' tħalli l-frott jeħtieġ li l-impjegati kollha tal-linja tal-ajru jagħtu l-kontribut tagħhom. 

"Dawn jistgħu jsawru jew jeqirdu lill-kumpanija. Għandhom obbligazzjoni lejn il-Maltin kollha li tawhom l-appoġġ għal dawn l-aħħar 45 sena."

Fi tmien id-diskors tiegħu Mangion saħaq, "l-Air Malta twaqqfet 45 sena ilu u nassumi li kulħadd jixtieq li l-Air Malta tissaħħaħ tibqa topera sa 45 sena oħra."

More in Politika