Frar kien it-tieni l-aktar xahar kiesaħ li rreġistra l-Uffiċċju Meteoroloġiku

Frar 2019: Jibqa' mfakkar għal Grigalata qawwija u kesħa xxoqq il-għadam anke jekk beda b'temperaturi relattivament sħan

Ix-xahar ta’ Frar tal-2019 se jibqa’ mfakkar għall-Grigalata qawwija li laqtet il-gżejjer Maltin, fejn ir-riħ saħansitra nefaħ sa 54 knots.

Madanakollu  għalkemm dan ir-riħ kien fost l-iktar qawwi li qatt ġie rreġisrat f’dawn l-aħħar snin, l-iktar riħ qawwi li laqat Malta fil-fatt ġie osservat nhar l-4 ta’ Frar 1955, u laħaq 70 knots, li jammonta għal madwar 130 kilometru fis-siegħa.

Dan spjegah l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li rrefera wkoll għall-fatt li Frar beda fuq nota relattivament sħuna, hekk kif l-ogħla temperatura tax-xahar, laħqet id-19.4°C iżda t-temperaturi bdew neżlin sakemm fit-23 tax-xahar l-iktar temperatura baxxa niżlet għal 3.7°C.

B’konsegwenza ta’ din it-tisbita fit-temperaturi, il-medja tal-iktar temperaturi baxxi kienet ta’ 8.7°C u wasslet lil Frar biex isir it-tieni l-ikseħ xahar li qatt ġie rreġistrat mill-Uffiċċju Meteoroloġiku.

Apparti l-kesħa, total ta’ 43.8 mm ta’ xita niżlu fuq il-Gżejjer fit-23 tax-xahar; jiġifieri kważi nofs l-ammont totali ta’ xita li rċevew il-Gżejjer matul Frar. B’kollox, il-Gżejjer irċevew 93 mm ta’ xita mifruxa fuq 11-il jum matul dan ix-xahar, li b’hekk sar it-tieni l-iktar Frar imxarrab li qatt ġie rreġistrat mill-1923 ’l hawn.

Il-maltempati bir-ragħad u bis-silġ ukoll kienu fenomeni komuni matul dan ix-xahar, bi tliet maltempati bis-silġ jiġu osservati u sitt maltempati bir-ragħad, id-doppju tan-norma klimatika, jheżżu l-Gżejjer sal-aħħar ta’ Frar.

Minkejja l-maltemp li kkaratterizza l-aħħar ġimgħa tax-xahar, il-kopertura tas-sħab medja kienet ta’ 4.8 oktas, li hija inqas min-norma klimatika u t-total ta’ sigħat xemxin ukoll għadda l-ammont ta’ xemx mistenni f’dan iż-żmien tas-sena.

Kif beda jiftaħ l-ajru, il-Ġżejjer Maltin irnexxielhom igawdu x-xemx xitwija għal medja ta’ kważi 7 sigħat ta’ xemx kuljum u total ta’ ftit aktar minn 192 siegħa matul ix-xahar kollu.

L-iktar jum xemxi kien l-14 ta’ Frar, meta x-xemx iddiet għal aktar minn 10 sigħat.

More in Politika