Cyrus jgħid li Metsola ma riditx tpoġġi ħdejh f'dibattitu l-Università u jgħajjarha 'chicken'

...imma f'kummenti mal-ILLUM tgħid li m'għandhiex problema, minkejja li xorta bidlulha postha 

Cyrus Engerer fuq naħa u Metsola fuq l-oħra qabel id-dibattitu
Cyrus Engerer fuq naħa u Metsola fuq l-oħra qabel id-dibattitu

Dibattitu l-Università ma bediex tajjeb hekk kif l-MEP tal-PN Roberta Metsola ma xtaqitx tpoġġi ħdejn Cyrus Engerer, jew għallinqas hekk qal Engerer fi tweet li tella' hekk kif kien se jibda d-dibattitu, xi ħaġa kkonfermata minn ġurnalist tal-ILLUM preżenti fuq il-post. Mhux magħruf għalfejn Metsola ma riditx tpoġġi ħdejh.

Fit-tweet Engerer qal illi Metsola hija 'chicken' u beżgħet minnu. Madanakollu, Mal-ILLUM Metsola sostniet li m'għandha l-ebda problema tpoġġi ħdejn Engerer, minkejja li xorta l-panel biddlilha postha. 

Iżda l-botti sottili u oħrajn sfaċċati ma waqfux hawn, hekk kif,waqt li kien għaddej id-battibekk bejn Metsola u Engerer rigward is-saltna tad-dritt f’pajjiżna u partikolarment minħabba l-interventi tad-diversi MEP’s nazzjonalisti fl-aħħar snin, Metsola saħqet, "se nibqa’ naħdem favur is-saltna tad-dritt u nitkellem f’sitwazzjonijiet fejn din tkun mhedda mhux fil-każ ta’ Malta biss. Nħares ‘l quddiem biex nibqa’ naħdem fuq inizjattiva varji fosthom: l-ambjent, revenge-pornography, u sigurtà ċibernetika.”

Minn naħa tiegħu Engerer sostna li jekk jiġi elett fl-elezzjonijiet ta’ Mejju se jkompli jaħdem bis-sħiħ favur id-drittijiet ċivili u fuq materji kostutizzjonali.

Intant, l-kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba qal li jixtieq jaħdem favur Malta filwaqt li jixtieq li jara kwistjonijiet importanti bħal immigrazzjoni jiġu trattati hekk kif hu tal-opinjoni li “s’issa ma kienx hawn konverżazzjoni serja fuq dan is-suġġett.”

Fost il-kandidati preżenti għall-ewwel dibattitu tal-lum kien hemm ukoll Ivan Grech Mintoff, kandidat għall-elezzjonijiet ta’ Mejju mal-partit konservativ Alleanza Bidla. Mintoff saħaq li, “l-ekonomija ta’ Malta qed tkun affettwata b’mod negattiv minħabba n-numru kbir ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu jaħdmu Malta.”

Allura jekk elett hu se jkun qed jaħdem għal-deroga li tilimita l-immigrazzjoni f’Malta.

More in Politika