'Il-pajjiż mhux qed jippjana biex il-pensjonijiet jibqgħu sostennibbli'

Il-UĦM tirreaġixxi għall-kummenti tal-PM meta qal li l-barranin qed jgħinu biex il-pensjonijiet jibqgħu sostennibbli

Il-UĦM - Voice of the Workers saħqet li jekk huwa minnu dak li qal il-Prim Ministru, jiġifieri li l-barranin qed jgħinu biex il-pensjonijiet jibqgħu sostennibbli, ikun ifisser li l-pajjiż mhux qed jippjana u jħares ‘il quddiem sabiex il-pensjonijiet ikunu mibnija fuq pedamenti sodi.

Fi stqarrija, il-UĦM fakkret li wieħed ma jistax jeskludi lanqas li numru ta’ barranin qed jibqgħu jgħixu Malta bi drittijiet ugwali daqs il-Maltin fejn jidħlu servizzi soċjali, bħal sptarijiet b’xejn u pensjoni taż-żewġ terzi.

“Dawn il-benefiċċji allura jispiċċaw ta’ piż fuq il-pajjiż,” kompliet il-unjin. “Barra minn hekk, anki f’każ li dawn il-barranin jitilqu minn Malta wara diversi snin, dawn meta jaslu għall-età tal-irtirar ikollhom dritt li japplikaw għall-pensjoni minn Malta. Dan huwa wkoll piż fuq il-pajjiż.”

Kien hawn li l-unjin staqsiet jekk dawn l-eluf ta’ barranin li qed jgħidu x’Malta hux kollha qed iħallsu l-bolla. “Wieħed ma jistax jeskludi li numru  minnhom qed jaħdmu bil-moħbi u la jħallsu bolla u lanqas income tax.”

Temmet tisħaq li waħda mill-miżuri li l-Gvern għandu jieħu hija li l-flus li jinġabru mill-bolla jmorru kollha ġo fond apposta u separat u biex minn dan il-fond jitħallsu biss il-pensjonijiet.

Appellat ukoll biex is-surplus li jkun hemm jiġi investit ħalli dan il-fond jibda jikber u jissaħħaħ għall-futur. Dan sabiex ma nibqgħux niddependu fuq il-barranin biex il-pensjonanti jirċievu l-pensjoni.

Aqra aktar:

More in Politika