Il-Parlament Ewropew ibassar li l-PN se jitlef it-tielet siġġu

Dan skont l-ewwel projezzjonijiet tiegħu għall-elezzjoni ta’ Mejju li ġej

Il-Parlament Ewropew ippubblika l-ewwel projezzjonijiet tiegħu għall-elezzjoni ta’ Mejju li ġej fejn qed ibassar li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jitlef it-tielet siġġu tiegħu.

Ir-rapport dettaljat ippubblikat illum ibbaża l-projezzjoni tiegħu għas-sitt siġġijiet Maltin fuq l-istħarriġ li wettqet il-kamra tal-aħbarijiet ta’ MediaToday u li kien ippubblikat fuq il-gazzetta MaltaToday.

Dan l-istħarriġ qiegħed ibassar li l-Partit Laburista se jirbaħ 62.7% tal-voti u għalhekk jeleġġi erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista  se jirbaħ 36.4% tal-voti u li jfisser li jkun qed jitlef it-tielet siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew.

Din il-projezzjoni tal-Parlament Ewropew, tiffoka l-aktar fuq il-kompożizzjoni tad-disa’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.

Skont dan it-tbassir, l-akbar grupp politiku se jibqa' l-Partit Popolari Ewropew, il-grupp politiku li l-Partit Nazzjonalista huwa affiljat miegħu. Minkejja dan, skont din il-projezzjoni, il-PPE mistenni jitlef 34 siġġu biex b'kollox se jkollu 183 siġġu.

Il-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, li miegħu huwa affiljat il-Partit Laburista mistenni jibqa' t-tieni l-akbar partit fil-Parlament Ewropew u mistenni jitlef 51 siġġu, biex minn Mejju li ġej ikollu total ta' 135 siġġu.

Il-Parlament Ewropew ibbaża din l-ewwel projezzjoni fuq l-informazzjoni miġbura sa’ Frar 2019 u saħaq li din inġabret minn għażla ta’ stħarriġ affidabbli mfassla mill-istituti nazzjonali tal-istħarriġ u aggregati minn Kantar f’isem il-Parlament. 

Il-PE se jkun qed jippubblika aġġornamenti kull ġimgħatejn sal-aħħar ta’ April u kull ġimgħa matul Mejju, sal-lejl tal-elezzjoni.

Se jippubblika wkoll l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat fis-26 ta’ Mejju.

L-Ewropej ser imorru jivvutaw bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju.

 

More in Politika