'Ma għadux jagħmel sens li l-Knisja tgħammed lit-trabi'

Dun Rene Camilleri jgħid li l-Knisja baqgħet dejjem toffri l-istess prodott u dan għamilha dejjem inqas relevanti

Dun Rene Camilleri, li sa ftit ilu kien il-Vigarju Episkopali għall-Evanġelizzazzjonin saħaq li ma għadux jagħmel sens li l-Knisja tgħammed it-trabi u tagħti l-Ewwel Tqarbina lit-tfal żgħar.

Dun Rene Camilleri saħaq li ma jagħmilx sens li l-Knisja tagħti s-sagramenti lil dawn it-tfal meta l-ġenituri tagħhom jew ma jemmnux jew ma jipprattikawx ir-reliġjon.

Huwa kien qed jitkellem waqt Times Talk, wara l-aħħar ċensiment li wera tnaqqis sostanzjali fl-attendenza tal-Quddiesa tal-Ħadd.

“Jiena mhux sorpriż b’dawn il-figuri,” saħaq Dun Rene waqt li insista li għalkemm il-messaġġ tal-Knisja jibqa’ dejjem rilevanti, il-Knisja bħala istituzzjoni qed issir dejjem inqas rilevanti.

Kien hawn li insista li dan huwa ċar meta jirriżulta li 90% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan iċ-ċensiment jemmnu f’Alla.

Dun Rene insista li waqt li l-attitudnijiet tal-poplu nbidlu drastikament, il-Knisja baqgħet toffri l-istess prodott u fi kliemu dan wassal biex emarġinat lilha nnifisha.

“Malta nbidlet kompletament imma aħna mbdilna? Dejjem l-istess. Ir-reliġjon mhux folklor jew kultura,” saħaq Dun Rene waqt li insista li l-Knisja f’Malta għandha tħares lejn il-Knisja fi Franza, l-Italja, il-Ġermanja u pajjiżi oħra li fehmu l-bżonn li jinqatgħu mir-reliġjon konvenzjonali.

More in Politika