Transport Malta twieġeb bil-Qorti lis-sajjied li spiċċa bla luzzu

Transport Malta twieġeb għall-protest ġudizzjarju mressaq minn Martin Caruana u takkużah li webbes rasu li l-allegazzjonijet tiegħu huma infondati

L-Awtorità Maltija għat-Trasport, ressqet kontro-protest għall-protest ġudizzjarju mressaq mis-sajjied Xlukkajr Martin Caruana li l-gazzetta ILLUM ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat issegwi l-istorja tiegħu.

Caruana, kien tella’ l-luzzu tiegħu fuq wieħed mill-iskalin li hemm f’Marasxlokk iżda minħabba xogħlijiet li kellhom jibdew fuq dan l-iskal, u skalin oħra f’Marsaxlokk, il-luzzu ta’ Caruana ġie rmunkat minn Transport Malta u qed jinżamm fi Flagstone Wharf fil-Marsa.

Fi ftit kliem, Caruana qiegħed jakkuża lill-Awtorità Maltija għat-Trasport li ħaditlu l-luzzu mingħajr avviż u waqt it-traġitt sal-Marsa saritlu ħafna ħsara. Dan kien ikkonfermat ukoll minn kumpanija indipendenti li, f’rapport li kien mehmuż mal-protest ta’ Caruana, tgħid ċar u tond li l-luzzu mhux qed jinżamm kif suppost u qed issirlu ħafna ħsara.

Fil-fatt, bħal-lum ħmistax, il-gazzetta ILLUM irrapportat kif Caruana ppreżenta protest ġudizzjarju kontra Transport Malta, il-Kummissarju tal-Pulizija u anke d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura.

Iżda l-Awtorità Maltija għat-Trasport wieġbet għal dan il-protest u qed tisħaq li l-allegazzjonijiet ta’ Caruana huma kompletament infondati u li l-Awtorità Maltija għat-Trasport assolutament mhijiex responsabbli għad-danni u li l-aġir tagħha kien wieħed korrett u skont il-liġi.

Fil-fatt, f’Novembru tas-sena li għaddiet, f’kummenti mal-gazzetta ILLUM, kelliema għall-Awtorità Maltija għat-Trasport kienet insistiet li l-luzzu se jibqa’ jinżamm fil-Marsa sakemm isiru l-investigazzjonijiet kollha neċessarji skont il-prassi.

L-Awtorità Maltija għat-Trasport tinsisti li s-sajjied iħallas…

Għalhekk, permezz ta’ dan il-kontro-protest, l-Awtorità Maltija għat-Trasport, qed titlob lill-Qorti biex tordna lis-sajjied iħallas dak kollu dovut lilha kif intalab jagħmel diversi drabi.

Din il-gazzetta kienet irrapportat kif Caruana, fil-21 ta’ Novembru, irċieva ittra mingħand l-istess Awtorità biex iħallas is-somma ta’ €2,035 biex ikopri l-ispejjeż għall-irmonk u t-trasport tal-luzzu.

Caruana kien imwissi li jekk ma jħallasx, Transport Malta kienet se tgħaddi biex tinforza dan il-ħlas, kif ukoll il-ħlas ta’ €15 għal kull jum li l-luzzu jdum miżmum.

Wissietu wkoll li jekk ma jħallasx, il-luzzu se jinbiegħ bl-irkant biex jinġabar il-ħlas.

Takkuża li s-sajjied li webbes rasu u sfidaha

L-Awtorità Maltija għat-Trasport qed tiċħad ukoll li l-luzzu tneħħa minn fuq l-iskal għall-għarrieda, mingħajr ma kien avżat is-sajjied.

Fil-kontro-protest, l-Awtorità tisħaq li l-proġett ta’ manuntenzjoni fuq l-iskalin ta’ Marsaxlokk kien ikkordinat bejn l-Awtorità, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura u l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd.

L-Awtorità Maltija għat-Trasport qed tisħaq li Martin Caruana kien ilu żmien li ġie infurmat li kienu se jsiru xogħlijiet fl-iskal fejn huwa kien poġġa l-luzzu tiegħu tant li fi kliemha, kien protesta diversi drabi “fejn bażikament ippretenda li jkun hu li jiddetta x-xogħlijiet li għandhom isiru, fejn għandhom isiru x-xogħlijiet u fejn le u kif kellu jitqassam il-programm tax-xogħol.”

Dan, Martin Caruana, qed jiċħdu u qed jisħaq li sar jaf bix-xogħlijiet fuq l-iskal inkwistjoni ftit wara li tella’ l-luzzu fuq l-iskal bl-għajnuna tal-persuna mqabbda mid-Dipartiment tas-Sajd biex topera l-winċ li hemm apposta, liema persuna kellha tkun infurmata li se jibdew xogħlijiet fuq dan l-iskal.

Caruana kien qal mal-gazzetta ILLUM kif kien ipprova jfiehem lill-awtoritajiet li ma setax iniżżel il-luzzu l-baħar għax kien diġà beda jqaxxru u anke għax ma setax juża l-krejns tal-Hard Standing Facility għax kien għaddej fuqhom xogħol ta’ manutenzjoni. Kien għalhekk li Caruana kien talab li x-xogħlijiet jilħqu jibdew minn fuq skalin oħra li kellhom bżonn aktar xogħol.

Fil-fatt, din il-gazzetta kienet rat email mibgħuta minn Perit tal-Awtorità Maltija għat-Trasport li kkonfermat lil Caruana li l-intervent fuq dan l-iskal kien se jkun wieħed minimu u ma kellux isir resurfacing tal-wiċċ tiegħu.

Madanakollu, fl-istess email, il-perit tispjega li “l-kuntrattur għandu bżonn jibda jaħdem fuq l-iskal li jirrikjedi intervent żgħir biex meta jasal jaħdem fuq l-iskalin fejn ix-xogħol huwa aktar kumpless, ikollu s-sistema ta’ kif se jaħdem diġà stabbilita.”

Iżda Transport Malta qed tibqa’ tisħaq li minħabba l-fatt li fi kliemha, Caruana baqa’ “jopponi, jisfida u jostakola x-xogħlijiet,” ma kellha l-ebda triq oħra għajr li tieħu dawk il-passi meħtieġa u neċessarji skont il-liġi biex tneħħi l-luzzu minn fuq l-iskal.

Dwar dan il-każ, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet direttament mal-Awtorità Maltija għat-Trasport, b’kelliema tikkonferma li meta kellu jibda x-xogħol kienet infurmata li s-sajjied kien laħaq tella’ l-luzzu fuq l-iskal u kellu xogħol ta’ tliet ġimgħat fuqu.

L-istess kelliema kienet saħqet li mill-Għaqda Koperativa tas-Sajd kienu kkonfermaw li x-xogħlijiet jistgħu jibdew u li kienu se jkellmu lil Caruana huma.

Madanakollu, mal-ILLUM, Caruana dejjem qal li l-Għaqda qatt ma għamlet kuntatt miegħu u kienu biss il-Pulizija li fil-31 ta’ Ottubru reġgħu ċemplulu u infurmawh li jekk mhux se jneħħi l-luzzu kienu se jiġbduh.

Dwar dan il-każ, il-gazzetta ILLUM kienet bagħtet mistoqsijiet lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-sajjieda, Clint Camilleri u anke lid-Dipartiment tas-Sajd.

Id-Dipartiment tas-Sajd insista li hu ma jidħolx fix-xogħlijiet li qed isiru, filwaqt li s-Segretarjat Parlamentari baqa’ ma weġibx.

L-istorja fi ftit kliem

  • Kollox beda fl-20 ta’ Ottubru meta Martin Caruana tella’ l-luzzu fuq skal f’Marsaxlokk bl-għajnuna ta’ persuna inkarigata mid-Dipartiment tas-Sajd
  • Caruana kien laħaq qaxxar il-luzzu miż-żebgħa meta jsibu mdawwar bil-ħadid biex jibdew xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq l-iskal
  • Caruana jispjega lill-awtoritajiet li fl-istat li kien fih il-luzzu ma setax iniżżlu l-baħar u ma kellux fejn jieħdu għax il-krejns tal-Hard Standing Facility ma kinux qed jaħdmu
  • Pulizija jinfurmah li l-luzzu kien se jkun irmunkat jekk ma jneħħihx
  • Is-sajjied jitlob lill-awtoritajiet biex jibdew jaħdmu minn fuq skalin oħra li kellhom bżonn ħafna aktar xogħol sakemm ilesti x-xogħol fuq il-luzzu fi żmien tliet ġimgħat
  • Fil-31 ta’ Ottubru Pulizija jerġa’ jinfurmah li kienu se jiġbdulu l-luzzu
  • Filgħaxija Caruana jinżel Marsaxlokk u jinduna li qed jeħdulu l-luzzu
  • Is-sajjied jippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità Maltija għat-Trasport, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura
  • Jisħaq li l-luzzu saritlu ħafna ħsara waqt it-traġitt u minħabba l-mod kif qed jinżamm
  • Jakkuża lill-awtoritajiet, inkluż lill-Ispettur tal-Pulizija li kien għamel kuntatt miegħu li fl-ebda ħin ma qallu meta kienu se jirmonkawlu l-luzzu
  • Jakkużahom ukoll li aġixxew b’mod abbużiv
  • L-Awtorità Maltija għat-Trasport tressaq kontro-protest tisħaq li s-sajjied webbes rasu u li hi ma għamlet xejn kontra l-liġi

More in Politika