Inawgurata fabbrika ġdida ġewwa t-Technopark tal-Mosta

Inawgurata 'Jmartans Automation Ltd' kif ukoll is-sit ta’ xiri ta’ prodotti onlajn

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri, inawguraw fabbrika ġdida, Jmartans Automation Ltd, ġewwa t-Technopark tal-Mosta kif ukoll is-sit ta’ xiri ta’ prodotti onlajn rispettivament.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Ministru Chris Cardona tkellem dwar kif bil-ftuħ ta’ din il-fabbrika, li fiha aktar minn 600 metru kwadru, il-kumpanija se tkun kapaċi ttejjeb il-kompetittività tagħha u toħloq aktar opportunitajiet ta’ mpjieg. 

Fi kliem il-Ministru Cardona, is-settur privat kien fiċ-ċentru tas-suċċess ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna u f’dawn l-aħħar snin qed ikompli jinvesti iktar minn qatt qabel. “Aħna bħala Gvern nistgħu biss niffaċilitaw il-ħajja tan-negozji u nappoġġjawhom fejn nistgħu meta jaslu għall-pass li jmiss fin-negozju tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri aċċenna għall-istorja tal-istess kumpanija li minn bidu f’appartament żgħir żviluppat f’fabbrika ġdida kif ukoll rat li timraħ u taqdi konsumaturi barranin permezz ta’ sit għal xiri ta’ prodotti online 24 siegħa kuljum.

Silvio Schembri elenka numru ta’ inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur li qed isegwu ta’ għodod biex negozji Maltin jilqgħu, jifhmu u jadattaw għad-dinja diġitali filwaqt li nnota li l-inizjattiva tal-kumpanija Jmartans tmur lil hinn mill-istil tradizzjonali għal wieħed innovattiv li jindirizza faxxa partikolari ta’ konsumaturi. “Aħna bħala Gvern qed nagħmlu l-parti tagħna, huwa għalhekk importanti li l-industrija u negozji bħalkom jilqgħu dan il-messaġġ u jagħmlu l-parti tagħhom”, qal Schembri. 

More in Politika