Żmeraldi; childcare centre ġdid b’investiment ta’ €150,000 f’Ħaż-Żebbuġ

Żmeraldi hu l-erbatax-il ċentru ta’ matul il-jum għall-ħarsien tat-tfal immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) u flimkien joffru kura għal madwar 700 tifel u tifla taħt l-età ta’ tliet snin.

Ritratt | Clodagh Farrugia O'Neil
Ritratt | Clodagh Farrugia O'Neil

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo inawgura childcare centre ġdid b’investiment ta’ €150,000 fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Żmeraldi hu l-erbatax-il ċentru ta’ matul il-jum għall-ħarsien tat-tfal immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) u flimkien joffru kura għal madwar 700 tifel u tifla taħt l-età ta’ tliet snin.

Dan iċ-ċentru ġdid għandu kobor ta’ 498.3 metru kwadru fejn it-tfal se jsibu jilqgħuhom bosta attivitajiet bħal qari ta’ stejjer animati u attivitatjiet oħrajn sensorjali kif ukoll spazju fil-bitħa għal- logħob.

Ix-xogħlijiet fiċ-ċentru l-ġdid kienu jinkludu tibdil u titjib fl-istruttura tal-binja, tqegħid ta’ madum u servizzi kif ukoll twaħħil ta’ aperturi u għamara - liema xogħlijiet saru b’kollaborazzjoni bejn il-ħaddiema tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.

Il-Ministru Bartolo qal li l-ftuħ taċ-ċentru Żmeraldi diġà qed jilqa’ fih 15-il tifel u tifla fejn id-domanda fl-okkupanza se tkompli tiżdied u l-FES se tkun f’pożizzjoni li timpjega aktar childcare assistants. Irrefera għall-miżura tal-iskema tal-free childcare li ddaħħlet fis-seħħ minn dan il-gvern f’April 2014 u li f’dan il-perjodu aktar minn 15,800 tifel u tifla u 21,000 ġenitur ibbenefikaw minnha.

B’investiment ta’ aktar minn €63 miljun bejn April 2014 u Diċembru 2018 u b’servizzi b’xejn għall-kura tat-tfal offruti lill-ġenituri kollha li jaħdmu jew li qed isegwu l-edukazzjoni tagħhom, il-ġenituri għandhom l-opportunità li jibagħtu lit-tfal tagħhom f’liema ċentru tal-kura tat-tfal li jippreferu kemm jekk pubbliċi jew privati. F’April 2014 kien hemm 69 ċentru għall-kura tat-tfal filwaqt li llum hemm 129 ċentru għall-kura tat-tfal li jipparteċipaw fl-iskema u li 14 minnhom huma pubbliċi u mmexxija mill-FES, żied il-Ministru Bartolo.

Saħaq li bil-ftuħ ta’ Żmeraldi, l-FES qed tkompli toffri impenn fis-servizz tagħha ta’ ħarsien għal matul il-jum fejn qed ikun aktar aċċessibbli biex iservi ta’ sapport lil bosta familji f’lokalitajiet differenti u jafferma mill-ġdid l-għan tal-miżura li ħa l-gvern li tissarraf f’għajnuna kbira lill-ġenituri partikularment lill-ommijiet biex jingħaqdu fid-dinja tax-xogħol sabiex il-familji jkunu fi stat finanzjarju aħjar kif ukoll iservu parti mill-katina tas-sistema edukattiva fl-ewwel passi tat-tfal fil-vjaġġ ta’ ħajjithom.

Iċ-Chairperson tal-FES Elena Borg qalet li s-servizz ta’ ħarsien tat-tfal li toffri l-FES hu ta’ serħan il-moħħ għall-ġenituri li uliedhom iqattgħu ħin mibni fuq programm edukattiv matul il-jum f’dawn iċ-ċentri. Għal servizz mill-aqwa l-FES tagħti sapport b’mod kontinwu lill-ħaddiema fl-iżvilupp professjonali tagħhom biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fl-aħjar mod possibbli kif ukoll jinżamm kuntatt dirett mal-ġenituri u mat-tuturi tat-tfal dwar l-iżvilupp u l-ħarsien tagħhom.

Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-FES Dermot Galea.

More in Politika