Il-President Coleiro Preca bi kliem ta' tifħir għall-President Erdoğan

Bħalissa, il-President Coleiro Preca tinsab waqt żjara statali fit-Turkija

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kellha kliem ta’ tifħir għall-President Tork Recep Tayyip Erdoğan hekk kif bħalissa tinsab għal żjara statali fit-Turkija.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz Presidenzjali f’Ankara, il-President Coleiro Preca faħħret lill-President Tork għall-inizjattivi tiegħu, biex fi kliemha, it-Turkija għandha rwol importanti bħala “katalista tas-sigurtà u l-paċi,” fir-reġjun

Faħħritu wkoll għax fi kliemha, il-Gvern Tork qed jagħti appoġġ lil miljuni ta’ refuġjati u persuni oħra li qed ifittxu l-ażil u insistiet li t-Turkija qed isservi ta’ eżempju għall-fatt li fil-kriżi tal-immigrazzjoni għażlet it-triq umanitarja aktar mill-gwadann politiku.

Kompliet tgħid li din iż-żjara statali, l-ewwel waħda minn President Malti, għandha toffri opportunità għaż-żewġ pajjiżi biex ikabbru r-relazzjoni u l-koperazzjoni tagħhom għall-ġid soċjo-ekonomiku.

Iż-żewġ Presidenti tkellmnu wkoll fuq diversi setturi oħra li fihom il-pajjiżi jistgħu jaħdmnu flimkien, inkluż is-servizzi finanzjarji, it-teknoloġija tal-blockchain, l-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, il-farmaċewtika, it-turiżmu, il-kostruzzjoni, l-infrastruttura, l-enerġija alternattiva, is-servizzi tal-avjazzjoni u anke t-tagħlim tal-Ingliż u lingwi oħra.

Apparti minn hekk, il-President Coleiro Preca saħqet li l-Gvern Malti se jibqa’ jagħti l-appoġġ għad-djalogu bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea u tibqa’ temmen li t-Turkija għandha tkun parti mill-Unjoni Ewropea.

More in Politika