Alfred Sant jipproponi żieda ta' 5% fil-paga minima madwar l-Ewropa kollha

Sant qal dan waqt skambju ta’ ideat ma’ Nadia Calviño, Ministru tal-Ekonomija u l-Intrapriżi ta’ Spanja

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant, qal li l-pajjiżi kollha taż-żona ewro għandhom jaqblu dwar żieda ta' 5% fil-paga minima fl-Ewropa kollha.

Huwa għamel din il-proposta waqt skambju ta’ ideat ma’ Nadia Calviño, Ministru tal-Ekonomija u l-Intrapriżi ta’ Spanja fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju (ECON) fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Alfred Sant saħaq li l-prospetti ta’ tkabbir fiż-żona ewro qed jitilfu mis-saħħa tagħhom u l-inċertezzi qed jikbru minabba diversi fatturi, inkluż il-Brexit.

"Għalkemm inħolqu l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħafna nies mhumiex sodisfaċenti. Is-sentiment ġenerali huwa li l-livelli ta’ għixien ma sarux aħjar speċjalment għal dawk li jaqilgħu l-inqas," saħaq Sant. "Xi wħud saħansitra qed jgħidu li l-ideali ta’ Ewropa soċjali intilfu fuq il-karta."

“Ir-regoli taż-żona ewro qed iservu ta’ brejkijiet għall-investiment pubbliku speċjalment meta l-gvernijiet ikollhom bżonn, kif għandhom bżonn issa, jirreaġixxu għall-aspettazzjonijiet tan-nies għal kundizzjonijiet soċjali aħjar. Minflok qed naraw lill-gvernijiet jagħtu benefiċċji soċjali aħjar minħabba irvellijiet fit-toroq jew minħabba l-elezzjonijiet Ewropej imminenti, iż-żona ewro tista’ tikkoordina risposta soċjali, bħal dik li taqbel dwar żieda ġenerali ta’ 5% tal-paga minima fl-Ewropa kollha?” saħaq l-MEP.

Il-Ministru Spanjol, fit-tweġiba tagħha, qalet li għandu jkun hemm bilanċ bejn ir-responsabbilità fiskali u l-benesseri soċjali ġenerali. Qalet ukoll li huwa importanti li l-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jaħdmu għaċ-ċittadini u li ċ-ċittadini jkunu konxji ta’ dan.

More in Politika