Ċittadini Brittaniċi f'Malta se jkunu jistgħu japplikaw għal dokument ġdid ta' residenza

  • Il-Prim Ministru Joseph Muscat jispjega l-pjan tal-Gvern Malti f'każ ta' Brexit bla ftehim
  • Il-Gvern Malti se jipprovdi dokument 'speċjali' ta' residenza għaċ-ċittadini Brittaniċi
  • Jispjega pjanijiet għall-qasam tas-saħħa u s-settur turistiku

Il-Prim Ministru Malti mal-Prim Ministru Ingliż Theresa May
Il-Prim Ministru Malti mal-Prim Ministru Ingliż Theresa May

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie spjegat il-pjan tal-Gvern f’każ li r-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea bla ftehim, il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li Malta għandha tkun l-aktar pajjiż ‘UK friendly’ kemm għaċ-ċittadini u anke għan-negozju.

Huwa saħaq li Malta tinsab fi stadju avvanzat ħafna fil-preparamenti tagħha f’każ li fid-29 ta’ Marzu jseħħ Brexit bla ftehim, anke għax dan ikun ifisser li 82 liġi Maltija tintlaqat u jkun hemm bżonn l-emendi neċessarji għaliha. Spjega kif 13-il Ministeru qed iħejju 36 punti ta’ tħejjija differenti u dan apparti 15-il effett ieħor li jridu jiġu indirizzati direttament mill-Unjoni Ewropea.

Dokument speċjali għaċ-ċittadini Brittaniċi f'Malta

Il-Prim Ministru fakkar kif l-aħħar jiem il-Gvern Ingliż diġà ta assigurazzjoni liċ-ċittadini Ewropew, inkluż Maltin, li jgħixu l-Ingilterra li d-drittijiet tagħhom mhux se jkunu mittiefsa sakemm japplikaw għal ‘pre-settled status’ u dan mingħajr ma jitpoġġa piż finanzjarju fuqhom.

Dwar it-13,000 ċittadin Brittaniku f’Malta, il-Prim Ministru qal li l-Gvern Malti qed jagħmilha ċara li ma jridx li jitpoġġa xi tip ta’ piż fuqhom u lanqas li jkollhom l-ebda bidla fid-drittijiet tagħhom.

Għalhekk il-Gvern Malti se jkun qed jippermett li dawn il-Brittaniċi residenti f’Malta japplikaw għal dokument ġdid ta’ residenza li ddeskrivih bħala wieħed bla preċedent hekk kif dan se jkun validu għal 10 snin.

Fi kliemu, dan id-dokument se jkun qed jirrifletti l-fatt li dawn issa ma għadhomx ċittadini tal-Unjoni Ewroepa iżda jaqgħu taħt kategorija speċjali ta’ residenti li waslu f’Malta meta pajjiżhom kien membri tal-Unjoni Ewropea.

Proposta biex iċ-ċittadini Brittaniċi jkunu jistgħu jibqgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali

Dawk il-Brittaniċi li jiġu jgħixu f’Malta wara d-29 ta’ Marzu ukoll se jkunu qed jingħataw dan id-dokument.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li lbieraħ il-Kabinett iddeċieda wkoll li se jkun qed jipproponi fil-Parlament li ċ-ċittadini Brittaniċi f’Malta jkunu jistgħu jibqgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali, kif mistennija jibqgħu jagħmlu wkoll iċ-ċittadini Maltin residenti fir-Renju Unit.

Saħħa: 'Irridu nżommu l-arranġament mar-Renju Unit għat-taħriġ tat-tobba'

Dwar is-saħħa, Muscat qal li huwa essenzjali li Malta żżomm relazzjoni b’saħħitha mar-Renju Unit. Saħaq li se jkun qed jibda xogħol biex il-Kunsill tal-Mediċina jirreġistra lil dawk il-persuni li l-professjoni tagħhom tkun ġiet żviluppata fir-Renju Unit biex il-kwalifiċi tagħhom ikunu rikonoxxuti wkoll f’Malta.

Kompla jgħid li l-Gvern Malti qed jaħdem biex iżomm l-arranġament mar-Renju Unit għat-taħriġ ta’ tobba Maltin fir-Renju Unit u li anke jkun hemm rikonoxximent tal-professjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Insista li minn diskussjonijiet li kellu mal-Prim Ministru Ingliż Theresa May jidher li l-Gvern Ingliż huwa miftuħ għal dan il-ftehim.

Dwar l-importazzjoni tal-mediċina, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li saret lista ta’ kull mediċina li tiġi importata f’Malta mir-Renju Unit u ġew ukoll identifikati fornituri alternattivi barra mir-Renju Unit.

'Preferential track għaċ-ċittadini Brittaniċi fl-Ajruport'

Is-suq Ingliż fis-settur turistiku f’Malta jibqa’ importanti ħafna u kien għalhekk li l-Prim Ministu saħaq li l-Gvern irid kemm jista’ jkun ‘friendly’ għal dawk il-Brittaniċi li jiġu Malta.

“Qed naħdmu biex it-turiżmu Ingliż jibqa’ stabbli…hija sfida imma l-Gvern qed jinvesti biex jara li jinżammnu dawn in-numru,” qal Muscat waqt li spjega kif jekk l-Isterlina tieħu daqqa 'l isfel wara li jseħħ Brexit, dan ikun ifisser piż ħafna akbar fuq dawk il-Brittaniċi li jkunu jixtiequ jmorru btala, inkluż f'Malta.

Waqt li fakkar li Brexit bla ftehim se jfisser li t-tfittxijiet tal-fruntieri se japplika wkoll għall-Brittaniċi, qal li bħalissa l-Gvern Malti qed jeżamina mal-Kummissjoni Ewropea l-possibbilità li fl-Ajruport ikun hemmn ‘preferential track’ għaċ-ċittadini Ingliż simili għal dawk iċ-ċittadini li magħhom l-Unjoni Ewropea jkollha xi tip ta’ ftehim.

Helpline dwar Brexit

Il-Gvern Malti se jkun qed jipprovdi wkoll servizz ta' helpline kemm għaċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit u anke għal dawk Brittaniċi f'Malta.

L-għan ta' dan il-helpline, li d-dettalji tiegħu se jingħataw aktar tard din il-ġimgħa u li se jibqa' jaħdem mit-Tnejn li ġej, se jkun li jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-pjanijiet u d-drittijiet ta' dawn iċ-ċittadini f'każ ta' Brexit bla ftehim. 

'Il-ftehim milħuq ma għandux jerġa' jinfetaħ'

Intant, dwar is-sitwazzjoni preżenti fir-Renju Unit, il-Prim Ministru qal li Malta taqbel mal-bqija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li l-ftehim milħuq ma għandux jerġa’ jinfetaħ iżda l-UE tibqa’ miftuħa għal aktar kjarifiċi u assigurazzjonijiet.

Insista li dan il-ftehim jipprovdi serħan tal-moħħ għaċ-ċittadini u n-negożji, kemm dawk Ewropej u dawk Brittaniċi, jipproteġi s-suq waħdieni u joffri l-aqwa soluzzjonijiet għall-fruntera Irlandiża

More in Politika