‘L-obeżità hija sensiela ta’ bombi żgħar li jtellfuk fil-ħajja ta’ kuljum’ - Mattheus Grasso

L-ILLUM titkellem ma' Mattheus Grasso, żagħżugħ li s-saħħa fiżika u l-eżerċizzju huma importanti ħafna għalih

Mattheus Grasso. Ħafna jafuh għad-dedikazzjoni tiegħu fuq in-nutrizzjoni. Iżda xi tfisser in-nutrizzjoni u għalfejn hija daqshekk importanti. L-Illum tistaqsih:

Int tagħti ħafna importanza lil nutrizzjoni xierqa fl-isport fosthom fil-futbol. Iżda int tipprattika xi tip ta' sport?

Wieħed mill-akbar pjaċiri tiegħi huwa li nilgħab logħba 5-a-side ma' sħabi, ta’ kultant. Però b’iktar mod regolari nsewgi programm ta’ fitness ta’ kuljum, apparti milli għad-dehra, iktar għall-mod ta' kif inħossni, speċjalment fejn jidħol ħafna inqas stress u ħafna iktar enerġija.

Naf illi int studjat ukoll in-nutrizzjoni fl-isport. Kemm huwa importanti illi sportiv jiekol tajjeb?

Indispensabbli hija l-kelma, mhux importanti biss. In-nutrizzjoni mhux biss tiddetta d-dehra kif se tkun, imma fost l-oħrajn anke kemm ikun hemm żmien qasir/twil sabiex wieħed jirkupra/jibbenefika mill-impatt tal-isport fuq il-ġisem. In-nutrizzjoni tiddetta ħafna wkoll kif bniedem iħossu bejn ikla u oħra. Ħafna sportivi jistgħu jgħidulna kemm tħossok differenti wara xi ikla meqjusa ‘junk’ u ikla li tgħin għas-saħħa.

L-istudju li għamilt fin-nutrizzjoni, kemm għen lilek u lin-nies ta’ madwarek?

Minkejja li l-istudju tiegħi ma ffukkax biss fuq nutrizzjoni, iva, din hija ħolqa importanti ħafna għat-trasformazzjoni tad-dehra u tas-saħħa tal-individwu. Il-ħoloq l-oħra li jien inqis bħala importanti ħafna huma l-psikoloġija (il-mentalità u l-moħħ), u s-sistemi differenti tal-eżerċizzju li jeżistu, illi bil-mod tagħhom, kollha jgħinu.

Jinkwetak il-fatt illi hawn rata għolja ta’ obeżità f’Malta?

Mattheus Grasso
Mattheus Grasso

Ħafna. Il-problemi narahom u mmisshom b’idejja. Mhux problemi ta’ qisien tal-ħwejjeġ biss qed nitkellmu, imma l-effetti li ġġib magħha l-obeżità. Kif persuna tħossha minn ġurnata għall-oħra, kif ġġib ruħha, x’tista’ tagħmel u ma tistax tagħmel u x’riskji imminenti / fit-tul ta’ żmien li tkun fihom.

L-obeżità naraha bħala sensiela ta’ ‘bombi’ żgħar li jtellfuk fil-ħajja ta’kuljum, bħal kemm tkun tista’ tagħmel affarijiet ta' kuljum mingħajr wisq tbatija u kif tħossok dwarek innifsek, u ‘bombi’ oħra akbar bħal mard serju u saħanistra mewt li tkun f’riskju akbar li tesperjenza.

Ċerti ġenituri jsostnu illi l-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika mhix importanti minħabba illi jagħtu mportanza ikbar lejn il-lat akkademiku. X’inhi r-risposta għal dan ir-raġunament li xejn mhu tajjeb?

Kull qatra tgħin, però ejjew inneħħuha minn moħħna li lezzjoni jew tnejn fil-ġimgħa ta’ lezzjoni fl-edukazzjoni fiżika waħedha, se ssolvi kollox (aħseb u ara mingħajrha!)

Hija bidu tajjeb iva, imma qed nitkellmu fuq qatra f’oċean. Iktar milli l-edukazzjoni u t-tagħlim, irridu nagħfsu aktar fuq l-azzjoni. X’jiswa li t-tfal tagħna jafu x’għandhom jagħmlu imma ma jagħmluhx?

Ejjew ngħinu lit-tfal tagħna jsibu dak li jogħġob lilhom bħala attività fizika (mhux li rriduhom jagħmlu aħna, imma li jridu jagħmlu huma) u nħalluhom ukoll fil-libertà li jippruvaw affarijiet ġodda u sport differenti. Huwa meta jieħdu gost jagħmlu l-attività u li jassoċjawha mal-benefiċċji li jixtiequ huma (bħal iħossuhom u jidhru isbaħ, li jħossuhom kapaċi daqs ħaddieħor fost oħrajn) li attività jibqgħu jagħmluha, għax mingħajr dan is-sinifikat emozzjonali għal dak li qed jagħmlu, ma jkunu jridu jagħmlu xejn.

Kemm huwa importanti illi atleta jieħu l-isport illi jipprattika bis-serjetà?

Nemmen illi biex tispeċjalizza fi kwalunkwe qasam, trid tagħmel inqas minn dawk l-affarijiet li inti ma tħossokx tajjeb fihom u tiddedika iktar ħin u enerġija f’dak li inti tajjeb u f’dak li inti tixtieq. Mhux l-ewwel darba li nisimgħu b’atleti li akkamedikament mhumiex ta’ ‘livell’ iżda jibbrillaw fl-isport tagħhom. Nittama li f’dan il-pajjiż, iktar atleti jsibu l-għajnuna biex jaqilbu ‘Professional’ fejn ħafna minn ħinhom ikun dedikat fuq dak li huma l-aħjar fih.

Int li għandek filosofija partikolari dwar in-nutrizzjoni fl-isport x’inhuwa l-messaġġ illi tixtieq tgħaddi?

X’tiekol u kemm tiekol huwa importanti... imma r-raġunijiet emozzjonali għalfejn hemm bżonn li tagħmel hekk, huma l-aktar li trid issib biex tgħin lil moħħok jibqa’ ffukat.

Dejjem nissuġġerixxi li persuna tiddedika ħames minuti, fejn taqbad karta u fuqha, fuq naħa, tikteb kif se tħossha, x’se jiġrilha, x’riżultati hemm ċans illi ġġib jekk tagħżel ikel inferjuri.

Fuq in-naħa l-oħra, tikteb l-ambizzjonijiet ta’ fejn tixtieq tasal, kif taħseb li se tħossha u l-vantaġġi l-oħra kollha li se ġġib meta tagħżel ikel superjuri.

Studju sab li jekk 8 minn kull 10 ikliet / snacks, ikunu għażla tajba r-riżultati se jiġu. M’hemmx għalfejn li nkunu metikolużi l-ħin kollu! Iva, hemm lok għal 2 minn10 ikliet li fihom persuna tista’ tagħlaq għajn waħda, għax dan mhux se jtellef il-progress li jkun qed isir. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, fejn nista’ ngħinkom, kmandawni!

More in Politika