L-Aid to the Church in Need b'kampanja b'risq dawk li tilfu djarhom fis-Sirja

Stephen Axisa, id-Direttur Nazzjonali tal-Aid to the Church in Need (Malta), spjega li din il-kampanja hija assolutament kruċjali biex dawk in-nies li ġew imkeċċija minn djarhom ikomplu jiġu mgħejjuna

Skont  il-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati, illum 13.1 miljun persuna fis-Sirja għandhom bżonn għajnuna umanitarja – dan minħabba tmien snin ta’ gwerra ċivili krudili u persekuzzjoni kontra l-Kristjani li ġarrbu minħabba l-gruppi estremisti ISIS u Al-Qaeda.

Minn dak iż-żmien 5.5 miljun persuna ħarbu mill-pajjiż. Aktar minn 50% fosthom kienu jagħmlu parti mill-komunità Kristjana. 6.3 miljun sfaw spostati f’pajjiżhom stess filwaqt li aktar minn 6,000 dar ta’ familji Kristjani u 3,000 skola ġew meqruda.

Għalhekk, l-Aid to the Church in Need (Malta) qed iġġedded kampanja b’risq is-Sirja biex tipprovdi pakketti ta ’għajnuna ta’ emerġenza għas-Sirja. Dawn ser jinkludu edukazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ, ikel u mediċini, kenn u bini mill-ġdid ta’ djar għall-familji Kristjani, programmi ta’ taħriġ, appoġġ spiritwali kif ukoll programmi t’għajnuna minħabba t-trawma.

Stephen Axisa, id-Direttur Nazzjonali tal-Aid to the Church in Need (Malta), spjega li din il-kampanja hija assolutament kruċjali biex dawk in-nies li ġew imkeċċija minn djarhom ikomplu jiġu mgħejjuna.

Stephen Axisa qal li "s-Sirja tibqa’ f’sitwazzjoni ta’ emerġenza; il-gravità u l-kumplessità tal-ħtiġijiet ta’ dan il-pajjiż għadhom kbar ħafna. It-tbatija għadha ma ntemmitx. Qed niffaċċjaw sfidi kbar biex intaffu feriti ta’ tmien snin ta’ kunflitt.”

L-Aid to the Church in Need (Malta) qed tappella għan-nies ta’ rieda tajba biex iwieġbu għal din l-emerġenza umanitarja biex hekk ma tintilifx il-preżenza tal-Kristjani fis-Sirja.

L-Aid to the Church in Need ilha tipprovdi għajnuna ta’ emerġenza b’risq il-familji Kristjani spostati f’Aleppo u fi bliet oħra fis-Sirja sa mill-bidu tal-kunflitt fl-2011. 

Dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem f’din il-kampanja, jew biex joffru donazzjoni ġeneruża, huma ġentilment mitluba jżuru www.syria.acninternational.org/malta jew iċemplu 21487818 jew jibgħatu email lil [email protected]

More in Politika