Trasport pubbliku b'xejn għaż-żgħażagħ ta' bejn l-14 u l-20 sena u għall-istudenti full-time

  • Mil-lum daħlet fis-seħħ miżura oħra mħabbra fil-Baġit
  • Il-Ministru Bartolo jgħid li fadal 275 student mingħajr trasport b'xejn għall-iskejjel

Dalgħodu, il-Ministri Ian Borg u Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ltaqgħu ma’ grupp ta’ żgħażagħ biex iniedu l-kampanja BUS20+, jiġifieri trasport pubbliku b’xejn għal żgħażagħ minn 14 sa 20 sena u għal studenti full-time minn 21 sena ‘l fuq.

Din kienet waħda mill-miżuri mħabbra fil-Baġit 2019 biex jiżdiedu dawk li jużaw it-trasport pubbliku.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Borg fakkar kif il-wegħda bdiet titwettaq fl-2017 meta ngħata t-trasport pubbliku b’xejn liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena b’investiment ta’ €250,000, skema li bbenefikaw minnha aktar minn 4,000 żagħżugħ u żagħżugħa.

Il-Ministru Borg qal li fis-sena 2018, il-Gvern kompla jinvesti f’din il-miżura u b’€2.2 miljun, matul dik is-sena, ibbenefikaw minn trasport pubbliku b’xejn 24,000 żagħżugħ u żagħżugħa hekk kif din l-istess miżura kienet twessgħet biex tinkludi ż-żgħażagħ kollha minn 16 sa 20 sena fl-2018.

“Dan huwa wieħed mill-modi kif qegħdin inwasslu benefiċċju finanzjarju mhux biss liż-żgħażagħ tagħna iżda lill-familji tagħhom. Huwa mod kif qegħdin niffrankaw lill-ġenituri milli jużaw il-vettura privata tagħhom, speċjalment f’ħinijiet fejn it-toroq tagħna jkollhom volum ta’ karozzi. Qegħdin ninvestu biex wieħed ikompli jeduka ruħu mingħajr ma tagħmel differenza l-età u naraw li dan jingħata għajnuna finanzjarja,” kompla jgħid il-Ministru.

275 student mhux tal-istat għadhom bla trasport b'xejn

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo fakkar ukoll fiż-żewġ ftehimiet differenti b’rabta mat-trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel, wieħed għall-istudenti tal-iskejjel tal-istat u ieħor għall-istudenti li jattendu skejjel tal-Knisja u indipendenti.

Il-Ministru ta wkoll rendikont tas-sitwazzjoni preżenti fuq it-trasport tal-iskejjel b’xejn fejn l-ammont ta’ studenti li jattendu l-iskejjel tal-istat u li juża s-servizz tat-trasport huwa ta’ 14,500 filwaqt li n-numru ta’ studenti li jattendu l-iskejjel mhux tal-istat u li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport huwa ta’ 13,500 li b’kollox jammontaw għal 28,000 student.

Sadanittant, operaturi tat-trasport li għandhom kuntratt tat-trasport għall-iskejjel tal-istat huwa tmienja, sitta f’Malta u tnejn f’Għawdex filwaqt li operaturi li għandhom kuntratt tat-trasport għall-iskejjel mhux tal-istat  jammonta għal 169 kuntrattur f’Malta u disgħa oħra f’Għawdex.

It-total globali ta’ operaturi rreġistrati fl-iskema tat-trasport b’xejn s’issa huwa ta’ 186 u għal dan is-servizz kuljum fl-istess ħin jintużaw xejn inqas min 1,183 vettura.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li f’dan l-istadju fadal mal-275 student mhux tal-istat li għadhom mingħajr dan is-servizz. Waqt li saħaq li dan in-numru naqas drastikament mill-bidu tas-sena skolastika, il-Ministru sostna li se jkompli b’ħidmietu biex għal kull student li qiegħed fuq il-lista ta’ stennija jinstab trasport li jwassalhom fl-iskejjel tal-Knisja u indipendenti.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima sostna li flimkien mal-miżura tat-trasport b’xejn għall-istudenti lejn u mill-iskejjel, din l-iskema tal-BUS20+ turi biċ-ċar li dan il-Gvern qed idaħħal il-mentalità għal aktar użu tat-trasport pubbliku.

More in Politika