May bl-aħħar appell imqanqal biex il-Parlament Ingliż jivvota favur il-ftehim għal Brexit

Kollox jindika li għada l-Membri Parlamentari se jivvotaw kontra l-ftehim li nnegozjat Theresa May

Il-Prim Ministru Ingliż, Theresa May, ħeġġet lill-Membri Parlamentari biex għada jivvutaw favur il-ftehim għal Brexit, għall-ġid tal-pajjiż.

Waqt l-aħħar appell imqanqal tagħha, qabel il-vot tant mistenni ta’ għada, May wissiet li jekk dan il-ftehim ma jgħaddix, il-Parlament Ingliż jista’ jispiċċa ‘staġnat’ u li l-fiduċja fil-politika tieħu daqqa kbira ‘l isfel jekk ir-Renju Unit ma jitlaqx mill-Unjoni Ewropea.

Hija faħħret l-assigurazzjonijiet ġodda li l-Unjoni Ewropea qed tagħti għall-parti tal-ftehim l-aktar kontroversjali, jiġifieri dik dwar l-Irlanda ta’ Fuq u insistiet li dawn jagħtu “forza legali” b’saħħitha biex il-Parlament Ingliż iserraħ rasu.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn saħaq li l-Partit Laburista Ingliż se jkun qed jivvota kontra dan il-ftehim u jżomm mal-pożizzjoni tiegħu li jekk il-ftehim ma jgħaddix, għandha tissejjaħ elezzjoni ġenerali.

Huwa stqarr li fi żmien opportun, l-Oppożizzjoni se tkun qed tippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern.

Jidher li madwar 100 deputat mill-Partit ta’ May u anke deputati oħra se jkunu qed jivvotaw ma’ partiti oħra tal-Oppożizzjoni kontra l-ftehim.

More in Politika