David Stellini b’idejh marbutin dwar Adrian Delia minħabba konsulenza mal-Corinthia

Il-President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN ingħata l-konsulenza minn eks uffiċjal prominenti tal-PN li ma tantx jara lil Delia f’dawl sabiħ

Il=President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN, David Stellini
Il=President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN, David Stellini

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela kif David Stellini, Deputat Nazzjonalista u President tal-Kumitat Amministrattiv li mistenni jiltaqa’ din  il-ġimgħa, għandu jdejh marbutin dwar Delia minħabba konsulenza.

Jidher li Stellini ngħata konsulenza mal-grupp Corinthia meta ġie lura Malta minn Brussell għax kien elett fil-Parlament Malti u kellu l-aktar bżonn ta’ xogħol. Milli jidher kien eks uffiċjal prominenti tal-PN u xi ħadd li ma tantx jara lil Delia f’dawl sabiħ illi għenu biex jieħu din il-konsulenza.

Sors qrib it-tmexxija tal-PN sostna illi Stellini għandu jdejh xi ftit marbutin u allura jinsab bejn dawk li huma favur Delia u dawk li għenuh meta l-aktar illi kellu bżonn.

Apparti dan iżda l-gazzetta kienet infurmata wkoll li Stellini kkonfronta lil Delia u talbu biex jitlaq minn Kap f’laqgħa privata li kellu. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-President tal-Eżekuttiv tal-PN, Mark Anthony Sammut. Meta kkuntattjat minn l-ILLUM Stellini wieġeb biss li l-laqgħa kienet waħda privata u għalhekk ma jistax jiddiskuti dak li ntqal jew ġie diskuss dwarha.

Madanakollu, Stellini saħaq li Adrian Delia kien lest li jisma’ u anke jispjega s-sitwazzjoni tiegħu, fosthom anke r-recordings dwaru li qed iduru fuq il-midja soċjali.

Fi kliem Stellini, Delia qed jieħu “approċċ proattiv,” fejn qed jiltaqa’ ma’ min jitolbu u saħansitra jistieden hu minn jeddu lil min għandu mistoqsijiet, biex jispjegalhom.

Fil-fatt, Delia jidher li ltaqa’ wkoll anke ma’ membri tal-amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri fost l-aktar persuni viċin tiegħu, biex jispjegalhom dwar l-akkużi u r-recordings. Stellini saħaq li dan qiegħed iħalli l-frott.

Intant, ikkonferma wkoll li fil-ġranet li ġejjin se jkun qed jiltaqa’ l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Stellini qal li anke jekk f’dan il-Kunsill  jiġu diskussi diversi kwistjonijiet, fosthom dawk politiċi, minħabba li l-ammont tal-membri huwa żgħir, ikun hemm ukoll ċans li jsiru mistoqsijiet lill-Kap.

Aqra aktar dwar dawk li żvelat il-gazzetta ILLUM ilbieraħ:

More in Politika